Lokali Qorti

Il-Bulgaru aggredit Ta’Qali kien żvela isem l-aggressur mal-Pulizija – mistenni jixhed fis-seduta li jmiss

Bulgaru li kien fil-periklu tal-mewt wara daqqiet ta’ sikkina li huwa qala’ f’Awwissu li għadda kien nstab fil-parkeġġ tal-istadium nazzjonali f’Ta’Qali mistenni jixhed fis-seduta li jmiss ix-xahar li ġej.

Emil Vassilev Marinov Bulgaru ta’ 57 sena li joqgħod Birkirkara kien ġie aggredit fit-13 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-11:00 p.m fejn huwa allegat li Elliot Paul Busuttil ta’ 36 sena minn Ħ’Attard ikkaġunalu ġrieħi ta’ natura gravi b’sikkina fuq il-vittma.

Busuttil qed jiġi akkużat ukoll li seraq ammont ta’ flus kontanti mingħand il-Bulgaru. Id-difiża mmexxija mill-Avukati Ishmael Psaila u Edward Gatt għamlet talba għal libertà proviżorja fil-konfront tal-akkużat.

Qalet fil-Qorti li l-Bulgaru kellu jixhed fis-seduta tat-Tlieta, imma mingħajr raġuni speċifika dan ma xehdx u għalhekk qalet li mhux sew li Busuttil jibqa’ ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest minħabba dan il-fatt.

Id-difiża qalet ukoll li l-Prosekuzzjoni ma ġabet l-ebda ċertifikat mediku biex iservi bħala prova li l-allegat vittma ma jistax jixhed. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima talbet lill-Prosekuzzjoni biex fis-seduta li jmiss jixhed il-vittma u fin-nuqqas ta’ dan jekk ikun il-każ għandha tippreżenta ċertifikat mediku.

Il-Qorti qalet ukoll li se tiddeċiedi dwar il-ħelsien mill-arrest fil-jiem li ġejjin. Sadanittant ħareġ mill-provi li l-Bulgaru li nstab f’Ta’ Qali kollu demm u b’diversi daqqiet ta’ sikkina.

Hekk kif kien f’dak l-istat lill-Pulizija qalilhom mhux biss min kien l-aggressur iżda wkoll fejn joqgħod. Waħda mix-xhieda kienet is-Supretendent Graziella Zammit li qalet li fil-jum tal-inċident kienet l-għassa tal-Ħamrun u ġiet infurmata li daħlet telefonata fil-kamra tal-kontroll li kien hemm raġel mal-art fil-parkeġġ ta’ ħdejn il-grawnd nazzjonali.

Qalulha li kien hemm żewġ pulizija oħra diġà fuq il-post u li wieħed minnhom kien pajżan. Meta marret fuq il-post il-Bulgaru ma kienx hemm peress li diġà kien ittieħed Mater Dei. Għalhekk xogħolha kien li tippreserva x-xena tar-reat.

Xhud ieħor kien il-Kuntistabbli Emerson Borg li qal li fit-13 ta’ Awwissu kien inbagħat l-isptar fejn il-vittma kienet qed issirlu CT scan u kien fil-periklu li jitlef ħajtu. Qal ukoll li huwa kien ra lill-Bulgaru mgħotti b’liżar u ħafna demm ħiereġ.

Ħareġ ukoll li l-ġrieħi li kellu l-vittma kienu kienu tant gravi li seta’ jitlef ħajtu u li Busuttil kien inqabad jistaħba fi blokk ta’ appartamenti kmieni filgħodu fi blokk ta’ appartamenti l-għada tar-reat.