Lokali

“Il-Gvern Laburista se jkun qed jittradixxi dak li Dom Mintoff issielet għalih”

Il-ftehim SOFA mal-Istati Uniti jfisser umiljazzjoni għal pajjiżna u ksur ċar tal-kostituzzjoni - Moviment Graffiti

Il-Moviment Graffitti qed jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi (SOFA) mal-Istati Uniti li, skont ir-rapporti fil-media, ġie approvat mill-Kabinett.

Permezz ta’ stqarrija ntqal li l-Kostituzzjoni ta’ Malta tiddikjara b’mod ċar li pajjiżna huwa newtrali u tipprojbixxi b’mod espliċitu l-preżenza ta’ forzi militari fit-territorju tal-pajjiż.

“Il-persunal militari tal-Istati Uniti lanqas għandu jirfes fuq it-territorju Malti, aħseb u ara jingħata impunità u nċedu s-sovranità fil-konfront tiegħu.”

Il-Moviment Graffiti qalu li jekk ir-rapporti huma minnhom, il-Gvern Laburista se jkun qed jittradixxi dak li Dom Mintoff u l-Partit Laburista kienu ssieltu għalih u kisbu. Intqal li l-ftehim SOFA se jkun qed jillimita l-applikazzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ Malta fil-konfront tal-militar tal-Istati Uniti, li jfisser li l-Istati Uniti jkunu jistgħu jikkommettu atti kriminali fuq it-territorju Malti u azzjonijiet li jmorru kontra l-interess ta’ Malta, b’mod relattivament faċli u b’impunità.

“Il-motivazzjoni wara tali ftehim allegatament ġejja mill-fatt li snin twal ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli fil-pajjiż, u l-promozzjoni minn taħt ta’ Malta bħala ċentru tal-ħasil tal-flus”

L-istqarrija kompliet li l-motivazzjoni wara tali ftehim allegatament ġejja mill-fatt li snin twal ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli fil-pajjiż, u l-promozzjoni minn taħt ta’ Malta bħala ċentru tal-ħasil tal-flus, ħolqu n-neċessità li jsir dan il-ftehim sabiex pajjiżna jevita li jispiċċa blacklisted fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

“Din in-neċessità tikkonferma u tipprova taħbi l-laxkezza fl-infurzar f’Malta, jekk mhux saħansitra l-promozzjoni diretta tal-ħasil tal-flus, u se tirriżulta fit-tnaqqir tad-dritt kostituzzjonali tagħna għall-paċi u n-newtralità.”

Il-Moviment qal li dan mhux biss imur kontra l-kostituzzjoni, iżda jagħmel lil Malta promotriċi tal-gwerra u l-aggressjoni militari. Hija tabilħaqq ħasra li l-Gvern Malti huwa lest li juża slogans patrijottiċi li jrawmu sentimenti nazzjonalisti kontra dawk li huma l-aktar vulnerabbli – il-persuni li jfittxu l-ażil – iżda mbagħad jaderixxi ma’ ftehim li se jara lill-pajjiżna jiġi umiljat u li jmur kontra l-interessi tagħna.

“Ikun wkoll ironiku jekk il-Gvern Malti jidħol fi ftehim li jippromwovi l-gwerra meta fl-istess waqt qed jilmenta dwar il-“piż” li pajjiżna qed ikollu jġorr minħabba r-refuġjati li jkollhom jaħarbu minn dawn l-istess gwerer.”

Il-Graffiti talbu lill-President tar-Repubblika, George Vella, biex jirrifjuta dan il-ftehim peress li jmur kontra l-kostituzzjoni tagħna b’mod ċar għall-aħħar.

Aappellaw ukoll lill-poplu Malti, b’mod partikolari lill-attivisti tal-Partit Laburista sabiex isemmgħu leħinhom u jesprimu l-oppożizzjoni tagħhom kontra s-SOFA.