Lokali

Il-PN jitlob trasparenza massima dwar ftehim li jħalli impatt kbir fuq is-sovranità

Il-Gvern Laburista għandu jkun ferm trasparenti fejn jidħlu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħra. Dak li qed jiġi rrappurtat fit-Times tal-lum, li l-Kabinett iddeċieda li jappoġġja ftehim mal-Istati Uniti magħruf bħala Status of Forces Agreement (SOFA) mingħajr ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni hija ta’ tħassib kbir. Speċjalment meta ftehim ta’ din ix-xorta jħalli riperkussjonijiet oħrajn fir-relazzjonijiet li pajjiżna għandu mal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri Carmelo Mifsud Bonnici.

Pajjiżna huwa indipendenti u sovran bi klawsoli dwar in-newtralita’ u non allinjament fil-Kostituzzjoni tagħna. Deċiżjoni bħal din mill-Kabinett tal-Gvern Laburista se jkun qed iħalli impatt ukoll fuq il-Kostituzzjoni, li hija l-ogħla liġi ta’ pajjiżna, u hija materjal ferm importanti li tħalli impatt fuq is-sovranita’ ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu li jispjega sew il-pożizzjoni tal-Gvern li hu jmexxi u l-impatt li se jkollha fuq pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi. In vista ta’ dak li deher u ġie ppubblikat u s-serjeta’ tagħha jkun għaqli jekk l-Gvern Laburista jiddikjara ċar u bla tlaqliq l-intenzjonijiet tiegħu.