Internazzjonali

Indja: Għajta għall-ġustizzja wara li mietet vittma ta’ stupru

Mara ta’ 19-il sena mietet wara li, allegatament, spiċċat stuprata minn erba’ irġiel ‘ta’ klassi soċjali superjuri’. Il-każ qajjem ferment sħiħ fl-Indja, bl-aħbar ta’ mewta ġġieħel ħafna nies jingħaqdu f’għajta waħda biex issir il-ġustizzja –b’din is-sejħa qed tkun espressa fuq il-media soċjali.

L-attakk, jew stupru, seħħ fl-14 ta’ Settembru fl-Istat ta’ Uttar Pradesh, bil-pulizija, wara, tarresta lill-erba’ irġiel responsabbli.

Il-vittma kienet daħlet l-isptar f’Delhi madwar ġimgħatejn ilu fejn kienet qed issofri minn diversi ġrieħi serji. Dan fost ir-rapporti li l-aggressuri tagħha kienu kaxkruha lejn għalqa fid-distrett ta’ Hathras fejn stuprawha bl-aktar mod brutali u anki sawwtuha. 

Il-partiti tal-Oppożizzjoni fl-Istat ta’ Uttar Pradesh ikkundannaw l-attakk u ħeġġew biex il-Gvern jipprovdi l-għajnuna kollha possibbli lill-familja tal-vittma. L-istess partiti wkoll ingħaqdu fis-sejħa biex l-irġiel li wettqu r-reat jingħataw dak li ħaqqhom, fl-interessi tal-ġustizzja, u biex il-każ tagħhom ikun ipproċessat fil-qrati mill-aktar fis.

Numru ta’ politiċi u attivisti Indjani, intant, qalu li l-Gvern hu ‘insensittiv’ għar-reati kontra n-nisa u qed jiżdiedu s-sejħiet għal protesti, madwar il-pajjiż, dwar il-mewt ta’ din il-mara li kienet ġejja minn klassi baxxa ta’ ċittadini Hindu magħrufa bħala Dalit.

Minkejja l-liġijiet li suppost jipproteġu lil dawn in-nies, id-diskriminazzjoni għadha realtà ta’ kuljum għall-popolazzjoni ‘Dalit’ ta’ madwar 200 miljuni.