Lokali

“Irridu naraw lil kulħadd jimxi ‘l quddiem” – Bernard Grech

“Jekk jiena nkun Kap, se nagħmel il-qabża mill-kliem għall-fatti fejn minflok nitkellmu bir-retorika, inwettqu dak illi hu meħtieġ. Irridu naraw lil kulħadd jimxi ‘l quddiem. Irrid li min hu batut, bis-saħħa tal-politka li qed nagħmlu jkun jista’ jimxi ‘l quddiem, jgħix ħajja aktar dinjituża u ħajja ta’ serħan il-moħħ.”Dan kien il-messaġġ li wassal l-avukat Bernard Grech fi tmiem dibattitu bejn iż-żewġ kandidati għal kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech tkellem dwar l-għaqda fil-PN fejn saħaq li biex ikollok l-għaqda jrid ikollok rispett u djalogu, b’impenn li tirrispetta lil kull individwu. Hu saħaq li din trid tkun xi ħaġa ta’ kuljum fejn kulħadd iħossu parti mit-tmexxija u jkun hemm pjan li jirrikonoxxi li kulħadd huwa neċessarju u li flimkien nistgħu noħolqu politka li tagħmel il-ġid.

Hu saħaq li jekk ma jkollokx għaqda ma tista tibni xejn għax ħadd ma jitħajjar jersaq lejn il-partit. “Irridu naħdmu fuq dan u nġibu aktar nies lejn il-partit, mhux biss żgħażagħ. Irid ikollna l-kredibiltà biex in-nies iħossuhom komdi jersqu lejn il-partit. Il-partit se jkun b’saħħtu se jkun organizzat. Ejjew nibdew mil-lum.” qal Bernard Grech.

Il-kandidat għall-kariga ta’ Kap tal-PN qal li poġġa ismu sabiex jgħati servizz lill-partit u lill-pajjiż. Bernard Grech saħaq li għall-kontra tal-Partit Labursita li inħataf u ħataf l-istituzzjonijiet, hu jrid jitkellem fuq dak li jolqot lill-ħaddiema, li l-Gvern nesiehom. Jekk jingħata fiduċja, Bernard Grech qal li se jaħdem biex jagħti kredibiltà ħalli l-partit joffri soluzzjonijiet biex ikun Gvern alternattiv.

Mistoqsi x’tip ta’ PN jrid, Bernard Grech wieġeb li l-PN kien imwaqqaf biex iħares l-interess ta kulħadd. Hu saħaq li jrid ikollna kuntat kontinwu man-nies u ngħixu t-tbatija tagħhom.

Mistqosi dwar l-aħħar aħbarijiet fil-konfront tiegħu, Bernard Grech qal li fil-kwistjoni tal-istudenti, kien hemm nuqqas minn naħa tal-iskola fejn stqarr li d-dipartiment stess irrikonoxxa dan. Hu ddikjara li llum għandu ċertifikazzjoni uffiċjali li ma’ baqa’ xejn dovut.

Intant, fid-dawl ta’ aħbarijiet negattivi ma jieqfu qatt fil-konfront tal-Gvern, Bernard Grech stieden lill-laburisti u n-nazzjonilisti biex jingħaqdu ħalli jaħdmu għall-ġid tal-pajjiż.