Internazzjonali

Is-sitwazzjoni tal-COVID-19 madwar l-Ewropa

Ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja mistennija jiddikjaraw stat ta’ emerġenza din il-ġimgħa.

Min għada, fis-Slovakkja, ħafna avvenimenti kbar se jkunu pprojbiti filwaqt li l-Ministru tas-Saħħa Ċek Roman Prymula se jippreżenta proposti lill-Kabinett tiegħu mmirati biex irażżnu l-impatt tal-COVID-19. Dan meta r-rata ta’ infezzjoni fil-pajjiż hija fost l-ogħla fl-Ewropa.

Fil-Greċja, il-vapur Mein Schiff 6 kien l-ewwel cruise liner li daħal fl-ibhra Griegi minn meta ingħalqu l-portijiet fil-bidu tal-pandemija. Madanakollu 12-il membru tal-ekwipaġġ ittestjaw pożittivi. Id-922 passiġġier kellhom jipprovdu ċertifikati ta’ test negattiv.

Fl-Olanda, l-maskri qed jiġu rakkomandati jintlibsu fl-akbar bliet tal-pajjiż, dan filwaqt li l-kafetteriji u ristoranti se jkollhom jagħlqu kmieni, taħt miżuri ġodda li se jidħlu fis-seħħ.

Fl-Italja, 14-il membru fit-team tas-Serie A ta’ Genoa ittestjaw pożittiv għall-virus. Genoa lagħbu kontra Napoli l-Ħadd li għadda u hemm inċertezza dwar il-partita li jmisshom nhar is-Sibt li gej. Dan filwaqt li mhux ċert x’se jsir mil-logħba ta’ Juventus kontra Napoli hekk kif dawn tal-aħħar kienu f’kuntatt ma’ persuni li ttestjaw pożittiv mit-team ta’ Genoa.