Internazzjonali

L-Armenja takkuża lit-Turkija dwar it-twaqqigħ ta’ ajruplan militari

L-Armenja qed tgħid li ajruplan militari tat-Turkija waqqa’ fighter jet minn tagħha f’inċident li seħħ ftit tal-ħin ilu. L-iżvilupp qed jitqies bħala esklazzjoni notevoli tal-konflitt li għaddej bħalissa fir-reġjun ta’ Nagorno-Karabakh, fejn il-qawwiet Armeni qegħdin jiġġieldu kontra t-truppi tal-Ażerbajġan, li hu alleat ewlieni tat-Torok.

Il-Ministeru Armen għall-Affarijiet Barranin qed jgħid li l-bdot tal-ajruplan SU-25 (manifatturat fi żmien l-Unjoni Sovjetika) miet waqt il-konfront mal-ajruplan Tork tat-tip F-16…. L-inċident qed jingħad li seħħ fl-ispazju tal-ajru tal-Armenja waqt li t-Turkija — li qed tappoġġja lill-Ażerbajġan fil-konflitt mal-Armenja — baqgħet ma kkummentatx.

Dan meta aktar qabel kien ikkonfermat li mietu ‘il fuq minn 100 persuna, fosthom ċivili, f’aktar minn tlett ijiem ta’ ġlied bejn l-Armeni u l-Ażeri. Dawn l-Istati avversarji ilhom għexieren ta’ snin f’konflitt dwar id-dritt ta’ amministrazzjoni fuq Nagorno-Karabakh, li jinsab f’zona strateġika sensittiva fir-reġjun tal-Kawkasu.