Lokali

Mossa tal-Gvern li ħolqot kontroversja ġdida

Il-Gvern ta’ Robert Abela qabel dwar ftehim mal-Istati Uniti li għandu jwassal sabiex l-Amerikani jkollhom saħħa ġuridika f’Malta.   

Il-ftehim magħruf bħala Status of Forces Agreement – SOFA jagħti drittijiet u privileġġi lil membri tal-istaff tal-Gvern Amerikan f’pajjizna, inkluż suldati.

Skont diversi rapporti, il-Ministri tal-Gvern Laburista mhux kollha qablu fuq dan id-deal. Il-Ministri ddiskutew is-SOFA f’laqgħa li saret f’Lulju li għadda.

Minkejja ċertu reżistenza minn Ministri partikolari, l-Erbgħa se jasal Malta s-Segretarju tad-Difiża Amerikana Marc Esper li mistenni jiddiskuti din it tema kontroverjsali waqt laqgħa mal-Prim Ministru f’Kastilja Sabiex jgħaddi, dan il-ftehim jirrikedja vot ta’ żewġ terzi tal-Parlament Malti.

Fi stqarrija, il-Kap tal-PN Adrian Delia u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici saħqu li l-Gvern Laburista għandu jkun ferm trasparenti fejn jidħlu r-relazzjonijiet ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħra. U kkonfermaw li ma saret l-ebda tip ta’ konsultazzjoni mal-Oppożizzjoni. Dan huwa ta’ tħassib kbir speċjalment meta ftehim ta’ din ix-xorta jħalli riperkussjonijiet oħrajn fir-relazzjonijiet li pajjiżna għandu mal-kumplament tal-pajjiżi l-oħra, qal il-PN.

Robert Abela, fl-ewwel okkazjoni li kellu biex iwiegeb domandi mill-ġurnalisti fuq dan is-suġġett, għażel li ma jikkummentax fuq id-dettalji ta’ dan id-deal. Dan filwaqt li ma caħadx li dan il-ftehim sar sabiex il-Gvern ikun jista’ jgħaddi mit-test tal-Moneyval.

Intant, meta kien mistoqsi minn dan l-istazzjon dwar ir-raġuni vera għaliex l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irriżenja mill-kariga tiegħu, Abela deher viżibbilment maħsud.

Net News saqsa din id-domanda wara li ftit tal-jiem ilu Abela kien qalilna li Joseph Muscat refa’ responsabbilta’ politika – iżda l-PM għadu sa issa ma jridx jgħid għal liema raġuni intrefgħet, jekk intrefgħet, din ir-responsabbiltà.