Lokali Qorti

Pollakk jagħti l-kunsens tiegħu biex jiġi estradit lejn pajjiżu

Raġel Pollakk ta l-kunsens tiegħu għall-estradizzjoni lura lejn il-Polonja wara li ġie arrestat f’Malta fuq talba ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew. Rafal Ryszard Karakin tressaqquddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace mill-Ispettur tal-Pulizija Mark Galea.

Karakin ta’ 28 sena huwa mfittex biex jiskonta sentenza ta’ ħabs fil-Polonja għal serq. Mgħejjun minn interpretu, ir-raġel aċċetta li jiġi rritornat il-Polonja. Huwa se jinżamm arrestat sakemm tiġi finalizzata l-estradizzjoni.

L-avukat tiegħu, Joe Brincat, maħtur bħala Għajnuna Legali, sostna li r-raġel ikun effettivament se jkun iżolat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, peress li ma jitkellimx bil-Malti jew bl-Ingliż.

L-avukat talab li r-ritorn ta’ Karakin fil-Polonja jitħaffef għal din ir-raġuni. L-Avukat Ylenia Abela rrappreżentat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fil-proċeduri.