Futbol Sport

Tottenham fil-kwartifinali tal-Carabao Cup

(Ritratt: EPA)

Tottenham Hotspur saru l-ewwel tim li kwalifika għall-kwartifinali tal-Carabao Cup meta fit-Tottenham Hotspur Stadium għelbu lil Chelsea 5-4 bil-penlaties wara li sad-90 minuta l-partita ntemmet fi draw ta’ 1-1.

Chelsea setgħu fteħu l-iskor mas-17 -il minuta meta Mount naqas milli japrofitta minn żball ta’ Tanganga bil-konklużjoni tiegħu tkun salvata faċilment minn Lloris. It-tim imexxi minn Frank Lampard fetaħ l-iskor fid-19 -il minuta meta d-debuttant ta’ Tottenham Reguilon tilef il-ballun, b’Azpilicueta wara li avvanza qassam lejn TIMO WERNER li xeħet fir-rokna tax-xibka biex skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Chelsea minn meta ssieħeb magħhom mingħand RB Leipzig.

Fit-tieni taqsima Tottenham ħarġu aħjar u Reguilon seta’ għamel tajjeb għall-iżball li wettaq qabel iżda kien mċaħħad minn save tajjeb tal-gowlkiper debuttant ta’ Chelsea Edouard Mendy. Werner seta’ rdoppja fit-72 minuta iżda l-konklużjoni tiegħu minn pożizzjoni komda kienet salvata minn Lloris. Tottenham ġabu d-draw fit-83 minuta meta l-cross ta’ Reguilon sab lil ERIK LAMELA li bil-kalma kollha wara li kkontrolla xeħet wara Mendy għal 1-1 biex il-partita marret għall-għoti tal-penalties.

Fil-penalties għal Tottenham skorjaw ERIC DIER, ERIK LAMELA, EMIL HOJBJERG, LUCAS MOURA, HARRY KANE filwaqt li għal Chelsea skorjaw TAMMY ABRAHAM, CESAR AZPILICUETA, JORGINHO, EMERSON b’ Mason Mount ifalli l-penalty deċiżiv.

Carabao Cup
Ir-raba’ rawnd: Ilbieraħ
: Tottenham v Chelsea 1-1 (5-4), Illum: Newport v Newcastle 6.30pm, Burnley v Man City 8.00pm, Brighton v Man Utd 8.45pm, Everton v West Ham 8.45pm Għada: Brentford v Fulham 6.30pm, Aston Villa v Stoke 8.00pm, Liverpool v Arsenal 8.45pm