Lokali

Żebbuġi jitlef ħajtu fil-mina ta’ Ħal Kirkop

Raġel ta’ 57 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ, kmieni dalgħodu tilef ħajtu f’inċident li seħħ waqt li kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ manutenzjoni taħt il-mini ta’ Ħal Kirkop.

L-inċident sfortunat seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu fi Triq l-Industrija, f’Ħal Kirkop.

Jidher li l-vittma kien qiegħed jagħmel xogħol ta’ tindif tal-mina, meta għal xi raġuni, waqt li kien fuq il-‘high-up’, inaddaf is-saqaf, ir-raġel spiċċa maqbud bejn is-saqaf tal-konkos tal-mina u l-istess ‘high-up’.

Fuq il-post marru jassistu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Sfortunatament, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin