Jumejn ilu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ħareġ jgħid li pajjiżna ma jinsabx eqreb milli kien fl-aħħar snin li jiffirma l-ftehim SOFA. Minkejja dan, f’pajjiżna ħafna kienu dawk li nnutaw għadd ta’ movimenti ta’ ajruplani militari Amerikani fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Barra minn hekk, il-media lokali kixfet lill-Prim Ministru Robert Abela, li dan l-aħħar kien ressaq quddiem il-Kabinett il-proposta tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim kontroversjali.
Iżda Net News jinsab infurmat li mhux il-Ministri kollha qed jaqblu ma’ dak li qed jipproponi Robert Abela. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, mistoqsi dwar dawn id-diskussjonijiet, naqas milli jiċħad li l-Kabinett iddiskuta dan il-ftehim, u minflok qal li dak li jintqal fil-Kabinett jibqa’ fil-Kabinett.
Id-Deputat Prim Ministru kien qed jgħaddi dan il-kumment fl-istess ħin li f’Kastilja kienet għaddejja laqgħa bejn il-Prim Ministru Malti u s-Segretarju tad-Difiża Amerikan Mark Esper propju dwar dan il-ftehim.
Ħafna huma dawk li jemmnu li ftehim ta’ dan it-tip jista’ jkollu impatt negattiv fuq in-newtralita’ fil-Kostituzzjoni tagħna u n-non allinjament, kif ukoll fuq is-sovranita’ ta’ pajjiżna.
Dan il-ftehim mhux l-ewwel darba li kien diskuss f’pajjiżna, b’ħafna persuni ta’ awtorità fuq is-suġġett jargumantaw b’saħħa kontrih.
Dwar id-diskussjoni li għaddejja bħalissa f’pajjiża, l-eks Kummissarju Ewropew u eks Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg qal li sa issa ma nafux x’fihom il-proposti għal dan il-ftehim. Hu saħaq li Malta u l–Istati Uniti jgawdu relazzjoni tajba ħafna u ż-żewġ pajjiżi jemmnu fil-prinċipji tad-demokrazija, tal-libertà u tad-drittijiet tal-bniedem.
Madankollu saħaq li aħna m’għandniex inċedu s-sovranità ta’ pajjiżna biex jekk jinqala’ inċident f’Malta bejn ċittadin Amerikan u Malti, jew jinqatel xi ħadd, jew baħri jew suldat Amerikan li jikkawża ħsara fuq propjetà f’Malta, ikollhom ġurisdizzjoni l-Amerikani u mhux aħna. Hu spjega kif anke jekk ikollna ġurisdizzjoni konġunta, jiġifieri jkollna ġurisdizzjoni aħna l-Maltin u anke l-Amerikani, ukoll tista’ tkun perikoluża ħafna għax l-Amerikani jkunu jistgħu jitolbu l-estradizzjoni tal-persuna.
Tonio Borg spjega li meta wieħed imbagħad jiġi biex jargumenta ma’ pajjiż b’saħtu bħall-Istati Uniti, ma tkunx ħaġa faċli.
Borg qal li ftehim bħal dan inaqqas is-sovranità ta’ Malta u għaldaqstant żgur għandu bżonn l-approvazzjoni tal-Parlament. Dan abbażi tal-liġi Maltija li tgħid li jekk trattat inaqqas is-sovranità ta’ pajjiż, irid imur bilfors quddiem il-Parlament.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant,f’reazzjoni fuq Facebook qal li personalment xejn ma jista’ jaqbel ma’ ftehim bħal dan, u li minkejja li dejjem kellu “soft spot” għall-Istati Uniti u l-poplu tiegħu, hu għandu “soft spot” wisq akbar għas-sovranità ta’ Malta indipendenti u ħielsa, u għan-newtralità tagħha.
//= $special ?>