Futbol Sport

Birkirkara miżmuma fi draw minn Lija

(Ritratt: Domenic Aquilina)

Jordi Farrugia

Lija…………………..0
Birkirkara……………0

Lija: L. Bonnici, C. Cassar, D. Scerri, E. Beu (N. Micallef 39’), J. Brandan (H. Wood 78’), M. Perez (R. Darmanin 89’), J. Gill, C. Giordimaina, N. Virano (G. Zammit 89’), A. White, G. Alhinho

Birkirkara: A. Hogg, P. Mbong, R. Briffa, K. Zammit, Y. Yankam, R. Mbu (A. Da Paixao 61’), F. Falcone (L. Montebello 45’), C. Attard, C. Bonanni, C. Rocha, M. Carniello

Referee: A. Johnson
Assistant referees: E. Spiteri, M. Scerri

Birkirkara kienu miżmuma minn Lija Athletic fi draw ta’0-0 f’partita nieqsa mill-azzjonijiet perikolużi. Birkirkara fl-aħħar ħarġa tagħhom tilfu 3-0 kontra Mosta filwaqt li Lija tilfu kontra Gudja bl-istess skor. L-ewwel taqsima kienet iddominata minn daħliet pjuttost aggressivi miż-żewġ timijiet. Birkirkara kellhom aktar mill-pusses b’Lija jiddefendu u jkunu perikolużi bil-kontrattakk permezz tal-plejers offensivi tagħhom Brandan u Virano. It-tim immexxi minn Andre Paus naqas mill-kreattività u naqas milli jkun perikoluż lejn il-lasti ta’ Bonnici.

Fit-tieni taqsima Birkirkara ħarġu xi ftit aħjar u Paul Mbong kien perikoluż meta daħal fil-kaxxa iżda x-xutt tiegħu mar għoli. Birkirakar għal darb’oħra perikoluża meta minn cross fil-baxx ta’ Yankam l-konklużjoni ta’ Montebello għaddiet ftit barra. Fil-55 minuta minn azzjoni maħduma b’mod tajjeb Montebello minfuq ix-xellug sab lil Yankam f’nofs il-kaxxa waħdu iżda kkonkluda ftit barra. Mas-siegħa logħob minn azzjoni personali oħra ta’ Montebello, din id-darba sab lil Rocha li laqat b’mod ħażin u xeħet għoli.
Fil-71 minuta Lija stegħu marru fil-vantaġġ meta minn corner ta’ Alhinho l-konklużjoni minn taħt Hogg ta’ Perez marret għoli. Għaxar minuti wara, corner ieħor ta’ Alhinho, din id-darba d-daqqa ta’ ras ta’ Gil marret għoli. Fl-84 minuta l-freekick ta’ Virano għadda ftit barra mil-lasti ta’ Hogg. Fis-87 minuta wasal l-ewwel xutt fil-lasti meta l-konklużjoni ta’ Paixao kienet salvata minn Bonnici.