Lokali

Ċertifikat ta’ falliment fis-saltna tad-dritt u l-governanza tajba għall-Gvern ta’ Abela u Muscat – PN

Il-Partit Nazzjonalista sejjaħ għal azzjoni konkreta u definittiva kontra Joseph Muscat. Ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt f’Malta hu ċertifikat ta’ falliment mill-Gvern ta’ Robert Abela u Joseph Muscat dwar is-saltna tad-dritt u l-governanza tajba f’pajjiżna.

Fi stqarrija, iffrmata mill-Kap tal-Partit Adrian Delia u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista fakkar kif fost oħrajn ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea jenfasizza li l-Gvern Malti falla milli jiżgura li jiġu investigati u mressqa l-Qorti każijiet ta’ korruzzjoni li jinvolvu persuni fl-għola livelli tat-tmexxija ta’ pajjiżna.

Il-Partit Nazzjonalista nnota kif fl-istess rapport, il-Kummissjoni Ewropea ġibdet l-attenzjoni għall-korruzzjoni rampanti li qed titwettaq f’pajjiżna. Dawn il-każijiet jinkludu:

  • Il-proġett tal-power station tal-Electrogas;
  • Il-korruzzjoni ta’ Keith Schembri, Konrad Mizzi u s-sidien tal-kumpaniji Egrant, 17 Black u Macbridge;
  • Il-bejgħ tat-tliet sptarijiet pubbliċi lil Vitals; u
  • Il-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus minn Keith Schembri u Brian Tonna fil-bejgħ tal-passaporti.

Il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Prim Ministru Robert Abela jieħu azzjoni konkreta u definittiva kontra Muscat, li wara l-elezzjoni tal-2013 ħoloq u ħeġġeġ kultura ta’ impunità li biha l-korruzzjoni saret istituzzjonalizzata u wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.