Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 23 każ ġdid, ifiqu 78

Fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 23 każ ġdid ta’ Covid-19, bil-każijiet attivi niżlu għal 468 wara li 78 fiequ minn dan il-virus.

Pajjiżna sa issa kellu total ta’ 3,267 każ, filwaqt li t-total ta’ persuni li fiequ mill-Covid huwa ta’ 2,562.

Il-każi ġodda rrappurtati l-Erbħga għadhom qed jiġu investigati.

Intant ….mill-każi tat-Tlieta, instab li seba’ kienu qraba ta’ persuni li ttestjaw pożittiv preċedentament, żewġ każi oħra kellhom kuntatt dirett ma’ persuni pożittivi, każ minnhom kien mill-cluster ta’ Dar San Ġużepp, żewġ każi oħra kienu impurtati, każ minnhom minn fuq il-post tax-xogħol, każ ieħor mill-cluster ta’ Paceville filwaqt li tlett każijiet oħra minn attivitajiet soċjali.

Dan ifisser li l-aktar cluster fost id-29 imħabbra t-Tlieta kienu sporadiċi, fejn 12 minnhom ma kellhomx idea minn fejn setgħu ġew infettati.

Intant mistoqsi minn NET NEWS dwar ir-raġuni għalfejn l-anzjani li ttestjaw pożittiv tħallew fir-residenzi tal-anzjani u ma ttieħdux għal kura fl-isptarijiet tagħna, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne farfarha fuq is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis.

Dan meta f’nofs l-imxija ta’ din il-pandemija l-istess Fearne kien saħaq li l-isptarijiet lokali kienu attrezzati sabiex iħabbtu wiċċhom mal-eventwali tieni mewġa.

Issa kif ninsabu fiha, meta mistoqsi dwar ir-raġuni għalfejn għadu ma reġax ġie msejjaħ Stat ta’ Emerġenza ta’ Saħħa Pubblika, fejn l-ewwel darba li ġie msejjaħ kien fl-1 ta’ April meta l-każi kienu għadhom verament ftit – il-Ministru farfarha għal darb’oħra, din id-darba fuq is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, Professur Charmaine Gauci.

Intant, Chris Fearne sostna li l-R-Factor f’pajjiżna preżentament huwa fuq il-1, jiġifieri t-trażmissjoni fil-komunità fil-Gżejjer Maltin għadha predominanti. Dan kollu ġimgħa biss ‘il bogħod mill-ftuħ tal-iskejjel, fejn filwaqt li lura f’Marzu l-iskejjel ingħalqu bi 12-il każ attiv, ġimgħa oħra l-klassijiet ser ikunu qed jilqgħu lura lill-uliedna b’aktar minn 460 każ fl-aħħar ġimgħatejn biss.