Lokali

ELEZZJONI KAP: S’issa vvotaw aktar minn 50% tat-tesserati

“Nirringrazzja lin-nofs it-tesserati li diġà vvotaw u nappella lil ftit inqas minn nofs li fadal biex jivvotaw sabiex jagħmlu dan għax huwa d-dritt u dover tagħhom.”

Sostna dan waqt intervista fuq NET FM is-Segretarju tal-Partit Nazzjonalista Francis Zammit Dimech fejn spjega li sa madwar l-erbgħa tal-Erbgħa waranofsinhar kienu vvotaw ftit aktar minn 50% tat-tesserati, inkluż il-jumejn ta’ votazzjoni bikrija fi tmiem il-ġimgħa.

L-Erbgħa ġiet organizzata votazzjoni bikrija fid-Dar Ċentrali għal Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, għal dawk it-tesserati li fost oħrajn għandhom problema ta’ mobbilità u għaldaqstant għandhom bżonn ħtieġa ta’ għajnuna. Huwa spjega li dawk li għal xi raġuni jew oħra ma għamlux kuntatt mal-partit

Francis Zammit Dimech irringrazzja l-mijiet ta’ voluntiera li b’xi mod jew ieħor qed jagħtu l-għajnuna u l-ħin tagħhom f’dawn il-jiem sabiex il-proċess elettorali jitmexxa bl-aktar mod trasparenti u b’għaqal.

Din l-elezzjoni qed issir ukoll fl-isfond tal-pandemija tal-Covid-19 u għaldaqstant qed jittieħdu kull miżura ta’ prekawzzjoni possibli, deskritti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa bħala miżuri li qed jitmexxew bl-aqwa standards.

Għaldaqstant, is-Segretarju tal-PN saħaq li jemmen li b’din l-ogranizzazzjoni l-Partit diġà offra l-ogħla eżempji kif proċess bħal dan għandu jitmexxa.

Filwaqt li l-votazzjoni bikrija tal-Erbgħa għandha miftuħa sat-20.00hrs, l-early voting jitkompla l-Ħamis l-1 u l-Ġimgħa 2 ta’ Ottubru bejn is-1800hrs u 2100hrs sabiex l-Elezzjoni tasal fi tmiemha s-Sibt 3 ta’ Ottubru bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu bejn 08:00hrs u 16:00hrs f’Malta u t-08:00hrs u 14:00hrs f’Għawdex.

Dawk li għadhom ma vvutawx jistgħu jagħmlu dan f’wieħed mit-18-il post indikati; fl-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif uoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, iż-Żejtun, Ħal Tarxien, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, Ħal Luqa, ir-Rabat, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, in-Naxxar, il-Mellieħa u Ta’ Sannat f’Għawdex … skont kif indikat fuq id-Dokument tal-Vot.