Lokali

Il-Gvern għandu jdur dawra madwaru u jerġa’ jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna – PN

"Ikun iktar ta’ ġid għal pajjiżna li kieku l-Gvern Laburista jdur dawra madwaru u jerġa’ jnaddaf ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna"

Illum wieħed iktar kien qed jistenna li fil-konferenza tal-aħbarijiet li huma taw, il-Ministru Silvio Schembri u s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi jgħidu lill-Maltin u l-Għawdxin x’azzjoni konkreta u f’waqtha u x’messaġġ ċar se jibgħatu biex nuru li f’pajjiżna ma nittollerrawx l-impunita’.

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-Rule of Law f’pajjiżna, wieħed kien qed jistenna li Schembri u Zrinzo Azzopardi jgħidulna kif se jnaddfu isem Malta mid-dell ikrah tal-korruzzjoni li l-Gvern Laburista poġġa fuq isem pajjiżna, li spiċċa biex kisser ir-reputazzjoni ta’ Malta, tant li hemm il-possibbiltà li ma ngħaddux mill-eżami tant importanti tal-Moneyval.

Wieħed kien qed jistenna li Schembri u Zrinzo Azzopardi jispjegaw kif Robert Abela minn wara dahar kulħadd flimkien mal-Kabinett lesti li jiffirmaw il-ftehim SOFA mal-Istati Uniti b’riperkussjonijiet kbar fuq is-sovranità ta’ pajjiżna. Forsi Schembri u Zrinzo Azzopardi mhux parti mill-kitchen cabinet?.

Għal darba’oħra, l-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni li qatt mhu se jieħu lezzjonijiet mill-Partit Laburista, u li qatt ma jista’ jkun li l-Partit Laburista jagħti xi forma ta’ lezzjoni dwar trasparenza u kontabbilita’ meta taħt il-Gvern Laburista saru l-ikbar każijiet ta’ korruzzjoni u ħmieġ b’serq ta’ flus tan-nies. Każijiet li reġgħu ġew ikkonfermati llum bir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea.