Lokali

L-ebda kambjament fil-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol

Tonqos il-paga medja - stħarriġ mill-NSO

F’sena fil-Gżejjer Maltin ma sar l-ebda kambjament fil-parteċipazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol.

Rapport tal-Labour Force Survey maħruġ mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wera li fit-tieni kwart ta’ din is-sena, l-persentaġġ ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol kien dak ta’ ftit inqas minn 64% ebda kambjament mill-istess perjodu tal-2019…. b’rata ferm inqas mill-parteċipazzjoni tal-irġiel bi kważi 20%.

Madanakollu, jekk is-sitwazzjoni tal-mara fid-dinja tax-xogħol baqgħet staġnata – żgur ma jistax jingħad hekk għal qgħad wara bejn April u Ġunju r-rata żiedet għal 4.4% bl-ogħla rata tiġi rreġistrata qalb dawk il-persuni li l-età tagħhom tvarja bejn il-25 u s-74 sena. B’kollox, fit-tieni kwart tal-2020 kien hemm 12, 031 persuna bla xogħol, 2,764 aktar mill-istess perjodu tas-sena preċedenti.

Dan filwaqt li l-paga medja tal-impjegati Maltin u Għawdxin f’dan il-perjodu huwa stmat li kienet madwar €1,491  – tnaqqis ta’ ftit inqas minn 9% meta ċ-ċifri ġew kkumparati mas-sena preċedenti. L-ogħla pagi ġew irreġistrati fis-settur tal-finanzi u l-assigurazzjoni bil-pagi madwar il-pajjiż ivarjaw bejn €851 u €2,551

Ġie rreġistrat ukoll tnaqqis fil-medja ta’ sigħat li l-ħaddiema ħadmu b’medja ta’ madwar sitt sigħat inqas fil-ġimgħa bil-part-timers jaħdmu madwar tminn sigħat inqas.