Knisja Lokali

L-Isqof Galea Curmi jiltaqa’ mal-edukaturi l-ġodda qabel il-bidu tas-sena skolastika fl-Iskejjel tal-Knisja

Bi tħejjija għall-ftuħ tas-sena skolastika 2020-2021, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi ltaqa’ mal-edukaturi l-ġodda fl-Iskejjel tal-Knisja waqt seminar online organizzat mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija. Aktar minn 150 edukatur ġodda bdew jaħdmu fl-Iskejjel tal-Knisja f’din is-sena skolastika.

Fil-messaġġ tiegħu l-Isqof irringrazzja lill-edukaturi talli għażlu li jgħallmu fi skola tal-Knisja u stedinhom biex jieħdu dejjem bis-serjetà l-formazzjoni kontinwa (ongoing education), b’mod partikolari f’dak kollu li jiddistingwi l-iskola Kattolika u l-etos tagħha.

L-Isqof Galea Curmi semma ħames karatteristiċi ewlenin ta’ skola tal-Knisja. Beda bil-viżjoni tal-iskola li hi ispirata mill-fidi u li tidher fix-xhieda u l-kliem tal-edukaturi. Semma kif għall-Kattoliċi l-ħajja tal-bniedem hi għażiża f’kull waqt tagħha u proprju għalhekk, wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ skola tal-Knisja hu li tagħti valur u dinjità lil kull student billi tgħinhom jiskopru u jiżviluppaw it-talenti u l-kapaċitajiet tagħhom.

Qal li skola Kattolika għandha tipprovdi formazzjoni ħolistika, inkluż b’mumenti ta’ talb u ċelebrazzjonijiet ta’ fidi, sabiex l-edukazzjoni mhux biss tħejji lill-istudenti akkademikament imma twieġeb għad-domandi essenzjali tal-ħajja.

L-Isqof qal li skola tal-Knisja taħdem biex tkun esperjenza ta’ inklussività b’rispett għad-diversità. Fisser kif din tgħin lill-istudenti biex joħorġu minn mentalità individwalista u hekk jibnu komunità ta’ relazzjonijiet fejn jagħrfu l-ħtiġijiet tal-oħrajn u jgħinu lil xulxin bħal aħwa.

Fi kliem l-Isqof, skola tal-Knisja tqiegħed fiċ-ċentru l-valuri li joħorġu mit-tagħlim soċjali tal-Knisja, fosthom il-formazzjoni għall-impenn soċjali u l-iżvilupp ta’ soċjetà ġusta u ta’ wens b’attenzjoni partikulari għal min hu batut. L-Isqof ħeġġeġ lill-edukaturi biex jgħaqdu flimkien il-professjonalità max-xhieda tal-etos ta’ skola Kattolika.

Matul ix-xhur tas-sajf saru diversi xogħlijiet bi spejjeż kbar għall-Iskejjel tal-Knisja, b’mod partikolari biex titħares is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li ser ikunu fiżikament preżenti fil-bini tal-iskola. Fejn kien possibbli, ġew ikkonvertiti wkoll partijiet mill-kunventi fi klassijiet. Kull skola qed tiġi spezzjonata minn uffiċjali tas-saħħa u s-sigurtà sabiex l-Iskejjel ikunu konformi mal-linji gwida u l-protokolli maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Matul din is-sena skolastika, madwar 3,000 edukatur se jkunu qed jgħallmu fil-livelli kindergarten, primarju, sekondarju u s-sitt sena post-sekondarja f’55 skola tal-Knisja li fil-jiem li ġejjin ser jilqgħu 17,000 student.