Lokali

“Mintoff dar spiss fil-qabar tul l-aħħar snin” – Graffiti jikkundanna lill-Gvern

Moviment Graffiti f’post li għamel fl-aħħar ħin kitbu fit-tul dwar dak li ħareġ fil-media u l-fatt li l-Gvern Malti jidher li jinsab qrib li jiffirma l-ftehim SOFA.

Fl-istqarrija Graffiti qalu li kull tant żmien ifakkruna fl-ispettru tal-ħasil tal-flus u l-kuntrabandu fl-ibħra Maltin: żewġ attivitajiet li jikkontribwixxu mhux ħażin għall-ekonomija sewda ta’ pajjiżna, u żewġ attivitajiet li, minkejja mekkaniżmi internazzjonali biex jitwaqqfu jew jitnaqqsu, pajjiżna dejjem għażel li jippremja minn taħt billi ma jinfurzax, ma jinvestigax, ma jistaqsix, ma jarrestax.

Fil-post Graffiti qal li lbieraħ ħarġet l-aħbar li l-Kabinett qabel fuq SOFA mal-Istati Uniti, fejn bażikament jidher li ser iċedi parti mis-sovranità ta’ pajjiżna lil forza militari mingħajr rispett lejn il-klawżola ta’ newtralità fil-Kostituzzjoni. Din is-SOFA tagħti permess lill-Istati Uniti jibagħtu persunal militari f’Malta, u saħansitra tagħti ġurisdizzjoni lill-Istati Uniti fuq pajjiżna.

Il-post kompla jgħid li Mintoff dar spiss fil-qabar tul l-aħħar snin minħabba dak li ppermetta l-Partit Laburista li xi darba kien tiegħu. Dan huwa stallett ieħor lill-memorja tiegħu: il-ġlieda għall-Ħelsien mill-bastimenti u l-persunal militari, bħal ħafna ġlidiet oħra ta’ żmienu, tista’ tisfa fix-xejn b’daqqa ta’ pinna tal-Kabinett Laburista.

It-theddida tal-blacklist tal-Moneyval, qal il-Moviment, ġejja minħabba l-fatt li għal snin twal, pajjiżna żamm lura milli jwaqqaf iċ-ċaqliq ta’ flus maħmuġ mill-ibħra għall-ekonomija, anzi, maż-żmien irriklama ruħu bħala ċentru għall-ħasil tal-flus u ġibed lejh interessi perikolużi mil-Lvant tal-Ewropa u postijiet oħra.

Graffiti fakkar fil-pożizzjoni li dejjem kellu l-Partit Laburista fil-konfront ta’ indħil mill-Amerikani.