Futbol Sport

Penalty ta’ Jake Grech jagħti tliet punti lil Hibernians

(Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)

Rowen Camilleri

TARXIEN R………..0

HIBERNIANS………..1

Tarxien R: D. Fernandes, A. Carneiro, B. Muscat, L. Oliveira (D. Falzon 75’), D. Zerafa, M. Spiteri (K. Attard 89’), V. Plut, V. Da Silva, E. Souza, K. Gatt (K. Pulo 88’), M. Tabone

Hibernians: M.C. Cremona, F. Apap, L. Almeida, A. Attard, J. Grech, R. Winchester (M. Ellul 86’), J. Degabriele, B. Kristensen (U. Edafe 86’), Z. Grech (A. Agius 64’), G. Artilles, W. Texeira (S. Shodija 57’)

Imwissija: A. Attard 35’, G. Iziquier 38’, Z. Grech 63’, B. Kristensen 68’ (H), M. Spiteri 50’, K. Gatt 57’, M. Tabone 68’, Carneiro 69’(T)

Skorjaw: J. Grech 70’ (H)

Referee: Ishmael Barbara

Assistenti Referees: Duncan Sultana u Roberto Vella

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Gabriel Iziquier Artiles (Hibernians)

BOV Plejer tal-logħba: Gabriel Iziquier Artiles (Hibernians)

Hibernians irreġistraw it-tieni rebħa fi tliet ijiem meta fl-Istadium Nazzjonali kienu huma li ħarġu rebbieħa fid-Derby tan-Nofsinhar wara li għelbu lil Tarxien Rainbows bl-iskor ta’ 1-0. Kienet logħba li ftit offriet emozjonijiet bit-tim minn Raħal Ġdid ikollu l-iżjed mill-pussess u bir-Rainbows iddefendew tajjeb tul il-kors tal-logħba.

B’dan ir-riżultat Tarxien għadhom bla rebħa minn tliet logħbiet wara telfa ta’ 1-0 ma’ Balzan u dro ta’ 1-1 ma’ Gżira rispettivament filwaqt li Hibernians issa għandhom 6 punti minn tliet logħbiet hekk kif huma tilfu 3-1 fl-ewwel ġurnata kontra Sliema Wanderers iżda kisbu rebħa importanti bl-istess skor fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra ċ-champions Floriana.

Wara żewġ minuti logħob Hibernians mill-ewwel fuq l-attakk. Kienet ħarba mix-xellug ta’ Gabriel Artiles li krossja lejn Jake Grech iżda l-konklużjoni tiegħu marret barra. Fit-23 minuta reġgħu kienu Hibernians li attakkaw mix-xellug b’din id-darba jkun Winchester li qassam lejn Degabriele bix-xutt ta’ dan tal-aħħar ikun milqugħ faċilment minn Fernandes. Fl-40 minuta Hibenrians kellhom l-aktar azzjoni perikoluża tal-ewwel taqsima meta Jake Grech irċieva ballun mingħand Degabriele, qassam fil-kaxxa lejn Winchester li x-xutt mill-ewwel tiegħu għadda ftit barra. Eżatt qabel spiċċat l-ewwel taqsima Tarxien kellhom xutt perikoluż lejn il-lasti ta’ Calleja Cremona meta kienet azzjoni personali ta’ Matthew Spiteri li ttanta xortieħ minn barra l-kaxxa bil-ballun jgħaddi mħakkek mal-wiefqa.

L-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima waslet fit-52 minuta meta Texeira qassam lejn Degabriele iżda dan ixxutja barra. Fit-62 minuta Hibernians marru viċin ferm li jmorru fil-vantaġġ meta Apap rċieva ballun li niżżel bir-ras lejn Degabriele li xxutja mill-ewwel u Fernandes wettaq save stipend mgħejjun mill-wiefqa. Fis-66 minuta ir-referee Ishmael Barbara saffar penalty favur Hibernians. Kienet azzjoni mibdija minn Degabriele li qassam lejn is-sostitut Shodija li prova xutt bix-xellug u d-difensur Carneiro deher imiss il ballun b’idu. Inkariga mill-penalty JAKE GRECH li mill-11-il metro ma’ żbaljax. Fil-81 minuta ċans ieħor tad-deheb għal Hibernians meta l-plejer tal-logħba Artiles ħarab tajjeb minn nofs u qassam lejn Degabrieli fil-kaxxa li min qagħda tajba ra l-konklużżjoni tiegħu tiġi mdawwra f’korner minn Fernandes. Hibernians iddefendew tajjeb ir-riżultat sat-tisfira finali biex b’hekk ħadu t-tieni rebħa konsekuttiva.