Lokali

“Qatt ma ngħatajna ċans – il-bdoti ma kienux il-problema”

"Il-pagi fl-Air Malta qed jiswew aktar milli kieku ġie salvagwardat l-impjieg ta' kulħadd"

“Il-fatti huma ċari, l-Air Malta rrifjutat mingħajr ebda raġuni l-offerta li nnaqsu l-paga tagħna b’50%…iżda issa jidher mingħajr tfixkil li l-bdoti u l-cabin crew ma kienux il-problema.”

Sostna dan Luke Mifsud, bdot li fix-xhur li għaddew kien wieħed minn numru ta’ impjegati li spiċċaw qiegħda wara diżgwid bejn il-ħaddiema tal-linja tal-ajru nazzjonali, il-kumpanija u l-Gvern.

Huwa saħaq li kienu l-bdoti stess li offrew li titnaqsilhom il-paga bin-nofs, proposta li skont Mifsud ġiet miċħuda għal xejn b’xejn.

Permezz ta’ post fuq il-midja soċjali ta’ Facebook huwa qal li l-impjegati li għadhom qed jaħdmu mal-linja tal-ajru qed jiswew lill-kumpanija aktar milli kieku żammew il-post tax-xogħol ta’ kulħadd. Għaldaqstant huwa saħaq li l-Gvern qed iberbaq u jaħli l-flus mit-taxxi tal-poplu.

Huwa qal li l-bdoti mkeċċija kienu lesti jerfgħu r-responsabbilità tagħhom b’sagrifiċju iżda qatt ma ngħataw ċans. Dan filwaqt li insista li ħaddieħor jidher li saħansitra bbenefika sew minn din il-pandemija.

https://www.facebook.com/mifsudluke/posts/10157909332486200