Futbol Sport

Rebħa kbira għal Inter kontra Benevento

(Ritratt: EPA)

Inter rebħu kontra Benevento bir-riżultat finali jkun dak ta’ 5-2. Inter fetħu l-iskor wara biss minuta permezz ta’ Romelu LUKAKU.Huma rduppjaw il-vantaġġ fil-25 minuta minn gowl ta’ Roberto GAGLIARDINI, u ftit minuti wara għamluhom tlieta b’doppjetta ta’ LUKAKU. Benevento rrispondew minnufih u Gianluca CAPRARI ta ftit tama għat-tim ta’ Filippo Inzaghi. Ftit minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Achraf HAKIMI kabbar id-distakk. Il-ħames gowl ta’ Inter wasal fil-71 minuta mis-sostitut Lautaro MARTINEZ, b’Benevento skorjaw l-aħħar gowl tal-partita permezz ta’ gowl ieħor ta’ CAPRARI.

Atalanta umiljaw lil Lazio bl-iskor ta’ 4-1. Robin GOSENS poġġa fil-vantaġġ lil Atalanta wara għaxar minuti, b’ Hans HATEBOER irdoppja. Alejandro GOMEZ skorja t-tielet gowl ftit minuti qabel il-mistrieħ. Felipe CAICEDO skorja gowl ta’ konsolidazzjoni għal Lazio, iżda GOMEZ reġa kkastighom b’xutt mill-isbaħ fil-kantuniera tax-xibka.

Fil-partita l-oħra tal-ġurnata, Spezia akkwistaw l-ewwel tliet punti fid-debutt tagħhom fis-Serie A, wara li għelbu lil Udinese 2-0 b’għaxar plejers. Spezia kellhom gowl imħassar wara biss erba’ minuti li kien skorjat minn Matteo Ricci. Fin-nofsija logħob, Spezia marru fuq quddiem wara li Andrey GALABINOV tefa’ l-ballun fix-xibka b’daqqa ta’ ras tajba. Fil-65 minuta, Claudio Terzi ta’ Spezia ntwera t-tieni karta safra. L-istess GALABINOV għamilhom 2-0 fl-aħħar sekondi tal-partita.