Lokali

Żewġ theżżiżiet qrib ħafna ta’ Malta matul il-lejl

Żewġ theżżiżiet viċin ta’ Malta f’temp ta’ ftit sigħat inħassu f’diversi inħawi madwar il-pajjiż.

Skont l-Uffiċċju tar-Riċerka u Monitoraġġ ta’ attivita’ Siżmika fl-Universita’ ta’ Malta, l-ewwel theżżiża inħasset għall-ħabta tat-8.23p.m tat-Tlieta. Din it-theżżiża kienet ta’ 3.3 fuq l-iskala Richter u kienet ftit kilometri bogħod mill-kosta tan-Nofsinhar ta’ Malta.

Ħames sigħat wara, preċiżament għall-ħabta tat-3.01a.m. tal-Erbgħa, tinħass theżżiża oħra. Din id-darba it-theżżiża kienet ikbar u kienet 4.4 fuq l-iskala Richter. Din tal-aħħar ħasdet diversi persuni li qamu bit-theżżiż.

Anki din, kienet ftit kilometri fin-Nofsinhar ta’ Malta.

Ħafna kitbu fuq il-midja soċjali li qamu bil-ħsejjes ta’ oġġetti fid-dar iċekċu, klieb jinbħu, alarms ta’ vetturi jdoqqu minbarra li ħassew it-theżżiża innifisha; l-iktar fin-Nofsinhar ta’ Malta f’lokalitajiet bħaż-Żurrieq, iżda wkoll f’lokalitajiet iktar ċentrali bħal Birkirkara u fil-Punent tal-gżira bħar-Rabat.

Sa issa għad m’għandniex rapporti li kien hemm xi ħsarat.