Lokali

15-il sena mit-traġedja li ħasdet nazzjon sħiħ

L-1 ta’ Ottubru 2005…. preċiżament 15-il sena ilu… Malta kolha maħsuda… inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ jiswa l-ħajja ta’ ħames żgħażagħ…. 5 żgħażagħ li kienu jinsabu fi fjur ta’ ħajjithom.

David Sacco ta’ 13-il sena, Fabio Magro ta’ 16-il sena, Osvaldo Vella, Marco Abdilla u Christian Camilleri ta’ 17-il sena… kollha mill-Qrendi.

Dakinhar li seħħ dan l-inċident, huma kienu fi triqthom lura d-dar minn barbeque li sar r-Rabat… iżda l-vjaġġ tagħhom intemm ħesrem.

Il-ħames żgħażagħ kienu qed jivvjaġġaw f’van flimkien ta’ żewġ passiġġiera oħra u s-sewwieq. F’daqqa waħda, il-van tilef il-kontroll bil-konsegwenza li kellu impatt qawwi ma’ ħajt għall-ħabta tal-12.45am. Osvaldo, Marco, Christian, David u Fabio sfortunatament mietu fuq il-post, filwaqt li t-tliet persuni l-oħra sofrew xi ġrieħi.

Huma kienu membri attivi fis-sezzjoni taż-żgħażagħ tal-Banda ta’ Santa Marija tal-Qrendi. Il-funeral tagħhom kien sar nhar it-2 ta’ Ottubru fil-knisja tal-istess lokalità.

Tliet snin wara l-mewt tagħhom, fil-Qrendi ġie inawgurat monument bħala tifkira ta’ dawn il-ħames żgħażagħ li ħajjithom intemmet ħesrem fil-fjur taż-żgħożija tagħhom.