Coronavirus Lokali Saħħa

37 każ ġdid ta’ Covid-19 – ifiqu 43

Fl-aħħar sigħat ġew irreġistrati 37 każ ġdid ta’ Covid-19, din hija l-akbar żieda fl-aħħar sitt ijiem. Aħbar pożittiva hi li fiequ 43 persuna minn din l-imxija.

Il-każijiet attivi niżlu għal 461, bl-ammont ta’ nies li fiequ minn din l-imxija issa hu ta’ 2,605. F’pajjiżna kellna 35 mewta b’kawża ta’ din l-imxija, bir-rata ta’ mwiet f’Malta hija l-aktar waħda għolja fl-Ewropa.

L-ammont totali ta’ każijiet pożittivi f’pajjiżna huwa ta’ 3,304.

Il-każi ġodda rrappurtati l-Ħamis għadhom qed jiġu investigati. Fuq il-paġna ta’ Facebook tas-Saħħa tħabbar mill-każijiet tal-Erbgħa, 3 każijiet kienu minn qraba ta’ każ magħruf, 3 każijiet kellhom kuntatt ma’ persuna pożittiva, 3 mid-Dar tal-anzjani ta’ San Ġużepp, każ li ttieħed mix-xogħol u żewġ każijiet ittieħdu tul attività soċjali. Kollox qed jindika li l-każijiet l-oħra kienu kollha sporadiċi.

Intant mil-lum daħlet fis-seħħ il-miżura li ma tistax tkun fi grupp ta’ aktar minn 10 persuni, dan ifisser li gruppi ta’ aktar minn 10 persuni huma pprojbiti inklużi fuq bus stops u kjus – la darba ma tinżammx id-distanza soċjali bejniethom, madanakollu din il-miżura mhux ser tkun qed tapplika għal persuni li jgħixu fl-istess residenza.

Intant tħabbar li l-operazzjonijiet mhux urġenti jiġu posposti biex itaffu l-pressjoni fuq l-ITU.

Il-Presidnet tal-MUMN Paul Pace qal li wara l-pressjoni li għamlu l-isptar qabel li jipposponi dawk l-operazzjonijiet mhux urġenti biex impjegati f’taqsimiet oħrajn tal-isptar ikunu jistgħu jgħinu fl-ITU.

Sal-bieraħ kien hemm seba’ pazjenti pożittivi għall-Covid-19 li kienu qed jirċievu l-kura fl-ITU.