Internazzjonali

Ġappun: Il-‘Qattiel ta’ Twitter’ jammetti għall-omiċidji

Raġel Ġappuniż ammetta għall-omiċidji ta’ disa’ persuni li kien ikkuntattjahom permezz ta’ Twitter.

Takahiro Shiraishi, imlaqqam ‘The Twitter Killer’ u li kien ġie arrestat fl-2017’, informa lill-qorti ta’ Tokjo li ‘l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu huma kollha korretti’ – madankollu l-avukati tiegħu insistew li l-akkużi kontra tiegħu għandhom jitnaqqsu ‘għaliex jidher li l-vittmi tiegħu kienu taw il-kunsens biex jinqatlu’.

Il-qattiel kien inżamm taħt arrest wara li nstabu l-biċċiet tal-iġsma fl-appartament tiegħu. F’każ li l-qorti tikkundannah dwar il-qtil, hu kapaċi jeħel il-piena tal-mewt permezz tal-forka.

Il-każ tat-‘Twitter Killer’ ixxokkja lill-pajjiż kollu, bil-proċeduri fil-qorti jattiraw interess kbir minn kullimkien. Il-prosekuzzjoni qed tgħid li l-akkużat kien fetaħ kont ta’ Twitter f’Marzu tal-2017 biex ‘jikkuntattja lin-nisa li kienu qed jikkunsidraw is-suwiċidju’ u li għalih kienu kollha ‘vittmi faċli’

Tmienja fost il-vittmi ta’ Shiraishi kienu nisa – b’waħda minnhom tkun tfajla ta’ 15-il sena. Mifhum ukoll li l-uniku raġel li spiċċa vittma tal-qattiel kien messu dan id-destin ikrah wara li kkonfronta lill-istess Shiraishi dwar ‘l-għajbien tat-tfajla tiegħu’.