Internazzjonali

Il-ġlied bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan: Ir-Russja toffri biex ’tisponsorja’ il-paċi

Ir-Russja offriet li tilqa’ lir-rappreżentanti tal-Armenja u l-Ażerbajġan għal taħditiet li jistgħu jtemmu l-ostilitajiet attwali fl-artijiet ta’ Nagorno-Karabakh, fir-reġjun tal-Kawkasu. Il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov għamel l-offerta lill-Gvernijiet taż-żewġ Stati rivali li t-tnejn qegħdin jinsistu bid-dritt tas-sovranità fuq Nagorno-Karabakh.

Madankollu, l-Armenja u l-Ażerbajġan qed jidhru li (għalissa) sfidaw l-inizjattiva minn Moska, bil-ġlied qalil qed ikompli bejn il-qawwiet avversarji.

Mindu (nhar il-Ħadd) żbroffa l-aħħar ġlied fiz-zona, mietu ‘il fuq minn 100 persuni, fosthom ċivili, u s’issa mhux ċar x’wassal għall-battalji tal-aħħar ġranet bejn il-militar Ażeri ui Armeni. Intant, il-President tal-Ażerbajġan, Ilham Aliyev, għamilha ċara li l-qawwiet ta’ pajjiżu se jkomplu jiġġieldu ‘sakemm jitlaq l-aħħar suldat Armen mit-territorji ta’ Nagorno-Karabakh’.

Għalkemm Nagorno-Karabakh hu, uffiċjalment, parti mill-Ażerbajġan, it-territorju hu mmexxi mill-Armeni etniċi. L-awtoritajiet f’Nagorno-Karabakh iddikjaraw it-territorju bħala Repubblika, iżda minkejja l-appoġġ tal-Armenja, hu fatt li l-Gvern f’Yerevan qatt ma rikonoxxiha uffiċjalment b’dan l-istatus.

Il-President Russu Vladimir Putin iddiskuta l-kriżi f’Nagorno-Karabakh mal-President ta’ Franza Emmanuel Macron waqt telefonata – biż-żewġ mexxejja jirrepetu s-sejħa, f’isem il-mexxejja tal-potenzi l-oħra tad-dinja, biex l-Armeni u l-Ażeri jieqfu immedjatament mill-ġlied.

Ir-Russja tifforma parti minn alleanza militari mal-Armenja u għandha bażi militari f’dak il-pajjiż. Intant, it-Tmexxija f’Moska għandha wkoll rabtiet mill-qrib mal-Gvern tal-Ażerbajġan.