Lokali Qorti

Il-ħaddiema ta’ Keith Schembri se jitħallew jistennew għall-pagi

Tmienja u sebgħin persuna impjegati ma’ diversi kumpaniji li fihom Keith Schembri għandu interess kummerċjali u li jinsabu nkwetati li jistgħu jibqgħu bla salarju se jinżammu jistennew sa mill-anqas nhar it-Tlieta 6 ta’ Ottubru biex tinqata’ deċizjoni dwar il-pagi tagħhom.

Fil-Qorti l-Ħamis bdiet tinstema’ x-xhieda wara applikazzjoni urġenti li saret…. fejn huma talbu biex il-pagi tagħhom ikunu eżentati minn ordni ta’ ffriżar maħruġa kważi ġimagħtejn ilu. L-applikazzjoni li saret mill-ħaddiema bdiet tinstema’ bil-magħluq quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja.

It-78 impjegat talbu lill-Qorti biex tikkunsidra t-talba bħala waħda urġenti, minħabba li għadda l-aħħar tax-xahar u baqgħu ma tħallsux.

Huma qalu li l-paga tagħhom hija l-unika għajxien tagħhom u kellhom bżonn il-flus biex jitimgħu lill-familji tagħhom u jħallsu s-self bankarju.

Huma kkwotaw il-Kostituzzjoni li tgħid li l-Istat għandu jipproteġi l-impjiegi, kif ukoll il-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tgħid li kull persuna hija intitolata għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti tagħha.

Ditti li jagħmlu parti minn negozju ta’ Schembri kellhom l-assi tagħhom iffriżati wara li Qorti ħarġet ordni ta’ sekwestru f’dan is-sens. L-ordni telenka 91 persuna u kumpanija, fosthom Schembri u l-accountants tiegħu f’Nexia BT, Brian Tonna, Karl Cini, u Manuel Castagnia… u ordnat l-iffriżar fuq suspett ta’ reati ta’ ħasil ta’ flus.