Internazzjonali

Ir-Russja: Alexei Navalny iwaħħal fil-President Putin għall-każ tal-ivvelenar li kważi swielu ħajtu

Alexei Navalny, l-attivist ewlieni tal-Oppożizzjoni Russa, esprima ċar u tond it-twemmin tiegħu li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ‘kien responsabbli għas-sitwazzjoni fejn hu ( Navalny) spiċċa vvelenat’ — bil-konsegwenza li spiċċa qrib ħafna li jitlef ħajtu.

‘Nistqarr li Putin kien wara l-azzjoni u ma nara l-ebda spjegazzjoni oħra’, saħaq Navalny waqt intervista lill-ġurnal tal-aħbarijiet Ġermaniż, Der Spiegel.

Navalny, bħalissa, qiegħed jirkupra fil-Ġermanja fejn l-awtoritajiet lokali qed jsostnu li hu kien ivvelenat bis-sustanza Novichok li tattakka lin-nervatura tal-ġisem. Dan kien anki konfermat minn xi laboratorji fi Franza u l-Iżvezja li wkoll analizzaw aspetti tal-każ.

Intant, il-Kremlin ta’ Moska għadu jiċħad għal kwalunkwe involviment fl-ivvelenar ta’ Navalny.

Il-kelliem għal Vladimir Putin,issa, wieġeb għall-intervista u insista li ma teżisti l-ebda prova li Navalny spiċċa vvelenat b’xi nerve agent. L-istess kelliem żied li ‘aġenti tas-CIA ( tal-Istati Uniti) kienu qegħdin jaħdmu flimkien mal-Kap tal-Oppożizzjoni Russa’ iżda ma provdiex dettalji konkreti.

Alexei Navalny kien ħassu ħażin waqt titjira fir-reġjun tas-Siberja, fl-20 ta’ Awwissu li għadda. Il-kundizzjoni tiegħu tant iggravat li hu, jumejn wara, spiċċa trasferit lejn sptar ewlieni f’Berlin, fil-Ġermanja.

Fl-intervista lil Der Spiegel – li kienet l-ewwel waħda ta’ Navalny mindu seħħ il-każ – il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ‘id-direttiva biex jintuża n-Novichok fil-konfront tiegħu setgħet ingħatat biss mill-kapijiet ta’ tliet entitajiet tas-servizzi sigrieti Russi, li kollha jaqgħu taħt il-kmand ta’ Putin’.

Is-sostenituri ta’ Navalny, għall-bidu, kienu tal-fehma li xi ħadd kien tefa sustanza velenuża fit-tazza tat-te li kellu l-attivist waqt li kien qed jistenna għat-titjira fl-ajruport ta’ Tomsk. Iżda wara, instabu t-traċċi tan-Novichok fuq il-fliexken tal-ilma fil-lukanda fejn kien alloġġjat il-Kap tal-Oppożizzjoni matul il-lejl qabel it-titjira.

Meta tkellem dwar l-esperjenza tiegħu, Navalny qal li ‘fiċ-ċirkostanzi ma tħoss l-ebda uġigħ speċifiku iżda int mal-ewwel tintebaħ li qiegħed tmut’.

Hu jirrikonoxxi l-fatt li għadu ħaj għal ‘sensiela ta’ ċirkustanzi fortunati’ li permettew biex hu jingħata l-kura medika b’urġenza. Li kieku dan ma seħħx, Navalny jemmen bis-sħiħ li ‘mewtu kellha tispiċċa trattata bħala xi ħaġa oħra suspettuża’.

Meta staqsewh  (waqt l-intervista) għalfejn il-President Russu jista’ jixtieq li jelminah, Navalny tkellem dwar l-aħħar inkwiet ta’ Khabarovsk – provinċja lejn il-lvant imbiegħed tar-Russja —  u sostna li ‘il-Kremlin jirrealizza li jeħtieġ jieħu l-miżuri estremi biex jevita sitwazzjoni bħal tal-Belarus f’dik iz-zona’.

Hu kien qed jirreferi għall-ġimgħat tal-protesti ħorox li għaddejjin kontra l-Gvern tal-Belarus wara l-elezzjoni polemikuża tas-sajf li tat rebħa oħra lill-President Alexander Lukashenko.

Intant, Navalny qal li ‘il-Gvern Russu qed jagħmel li jista’ biex ibiegħed l-isfidi għat-tmexxija tiegħu – u meta ħafna nies qed iħossu l-konsegwenzi ta’ dan’.

Alexei Navalny ħareġ mill-isptar ta’ Berlin proprju l-ġimgħa l-oħra u għadu qed jingħata l-fiżjoterapija li qed tgħinu jirkupra aktar malajr.

Minkejja r-rapporti li l-kontijiet bankarji ta’ Navalny spiċċaw iffriżati, l-attivist ewlieni tal-Oppożizzjoni Russa għadu determinat li jirritorna lejn ir-Russja. Dan ukoll meta l-awtoritajiet fir-Russja ‘ħatfulu’ jew ‘sekwestrawlu’ l-appartament – b’Navalny jispjega ‘li, issa, ma għandux għażla ħlief li jivvjaġġa kontinwament mir-reġjuni tal-pajjiż u jsib l-akkommodazzjoni fil-lukandi.’

L-Unjoni Ewropea u numru ta’ Gvernijiet oħra qed isejħu biex ir-Russja tinvestiga bis-sħiħ l-ivvelenar ta’ Alexei Navalny.