Lokali

Jintemm ir-raba’ jum ta’ votazzjoni bikrija

Aktar tesserati komplew jivvutaw fl-elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista fir-raba’ jum ta’ votazzjoni bikrija. Dan hekk kif ġie fi tmiemu r-raba’ jum ta’ votazzjoni li kien il-Ħamis bejn is-6.00pm u d-9.00pm kif l-istess se jkun għada, il-Ġimgħa 2 t’Ottubru f’kull post ta’ votazzjoni madwar Malta u Għawdex.

Fost it-tesserati li vvotaw il-Ħamis, ivvota l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius fil-Każin tal-Partit f’Ħal Balzan.

Fl-ewwel tliet ijiem ta’ votazzjoni bikrija kienu diġa vvutaw 51% mill-21,499 tesserat eliġibbli li jivvutaw għall-kandidati Adrian Delia u Bernard Grech.

Is-Sibt 3 t’Ottubru hu il-jum propju tal-elezzjoni, fejn tkompli l-votazzjoni bejn it-8.00pm u l-4.00pm f’Malta u bejn it-8.00pm tagħlaq fis-2.00pm f’Għawdex. Ir-riżultat joħroġ dakinhar stess filgħaxija.

Min imur jivvota għandu jieħu miegħu id-dokument tal-votazzjoni li rċieva bil-posta. F’kaz li tesserat ma jkunx irċieva dan id-dokument, dan xorta jista’ jivvota, bil-Karta tal-Identita’. Kull votant għandu jieħu miegħu il-karta tal-identità jew xi dokument ieħor ta’ identifikazzjoni. Tul il-proċess kollu ta’ din l-elezzjoni, il-Kummisjoni Elettorali qed tassigura li kulħadd jimxi mal-miżuri tal-COVID-19. Kull votant irid jilbes maskra jew visor filwaqt li jżomm id-distanza soċjali.

Ritratti: Matthew Tabone