Lokali Qorti

“L-ikbar sfida għall-qrati fil-preżent hi d-dewmien fil-proċeduri” – Il-Prim Imħallef

Fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-Sena Forensi li fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena jiġi mfakkar mill-Qrati tal-Ġustizzja bħala l-jum li fih uffiċjalment tibda s-sena tal-ħidma tal-qrati, fil-messaġġ tiegħu l-Prim Imħallef Mark Chetcuti saħaq li billi ilu biss ftit xhur bħala Prim Imħallef, ma jiistax jgħaddi ġudizzju studjat fuq il-preġji u difetti tas-sistema ġudizzjarja preżenti jew il-bżonnijiet u n-nuqqasijiet li hemm fis-sistema.

Mark Chetcuti qal li hu jħoss li l-ikbar sfida għall-qrati fil-preżent hi d-dewmien fil-proċeduri kollha. “Mingħajr dubju jeħtieġ li l-ġudikant jirrispetta d-dinjità ta’ kull min jidher quddiemu ħalli b’hekk huwa jikseb ir-rispett lura. Bl-aġir tiegħu ġenwin u korrett il-ġudikant irid ikollu dixxiplina kbira miegħu nnifsu. Irid ikun preparat kemm akkademikament iżda jrid ikun ukoll prattiku jadopera case management serrat, irid ikun ħafif u pront biex jisma’ u jiddeċiedi l-kawżi fl-iqsar żmien possibbli bla ma jaqa’ però fin-nassa tal-għaġġla li biex ilaħħaq man-numri huwa ma jwettaqx il-ġustizzja vera.” stqarr il-Prim Imħallef.

Hu saħaq li fi kliem sempliċi jrid jagħti lilu nnifsu għas-servizz tal-qadi tal-ġustizzja fejn b’hekk il-ġudikatura tikseb ir-rispett u d-dinjità li jistħoqqilha b’ħafna sagrifiċċju personali u familjari. Mark Chetcuti qal li l-isforz waħdu min-naħa tal-ġudikatura mhux biżżejjed fejn semma’ kif fil-ftit xhur li ilu fil-kariga ħareġ ċar illi hemm bżonn l-intervent leġiżlattiv f’żieda ta’ ġudikanti mhux biss minħabba l-volum tal-kawżi imma anke minħabba l-ispeċjalizzazzjoni dejjem tikber fil-qasam ta’ ċerti kawżi.

Fil-messaġġ tiegħu l-Prim Imħallef kompla jgħid li l-intervent leġiżlattiv huwa meħtieġ ukoll f’liġijiet. “Hemm bżonn ta’ emendi ta’ liġijiet, kultant żgħar, li jgħinu għal aktar ħeffa u tneħħija ta’ burokrazija proċedurali żejda.” qal Mark Chetcuti. Hu saħaq li jeħtieġ ukoll illi l-ġudikanti u l-amministrazzjoni jkollhom aktar għajnuna fit-teknoloġija tal-informatika u support staff mgħallem u adattat jaħdem f’ċirkostanzi ta’ pressjoni kważi kontinwa.

“Fiduċjuż illi bi sforz, id-dewmien żejjed u bla raġuni valida jingħeleb mhux f’ħakka ta’ għajn iżda b’riżultati li minn sena għall-oħra jixhdu dan l-għan ambizzjuż iżda realistiku. Bil-perseveranza u rieda tajba ta’ kull parti konnessa mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja dan it-tragward jista’ jintlaħaq.” qal Mark Chetcuti.

Il-Prim Imħallef qal li hu tal-ħsieb illi l-gvern flimkien mal-Università ta’ Malta għandhom jikkunsidraw li jirrevedu l-kors tal-liġi biex dan joħloq kors aktar speċjalizzat għal min jixtieq ikun avukat li jaħdem fil-Qorti. Hu saħaq li għalkemm qed jilħqu ħafna avukati kull sena, huma ftit biss dawk l-avukati li jagħżlu li jipprattikaw fil-qrati. Mark Chetcuti qal li diġà hemm problema li fil-qrati tagħna hemm ftit avukati li jaħdmu fil-qorti u jekk din il-problema ma tiġix indirizzata, fil-futur jista’ jkollna sitwazzjoni fejn ma jkunx hemm għażla ta’ avukati li jkunu lesti jaħdmu l-Qorti u wisq anqas għażla biex avukati li jipprattikaw kontinwament fil-Qorti jsiru ġudikanti jew prosekuturi. Apparti minn hekk hu saħaq li fil-qasam kriminali u kummerċjali hemm nuqqas kbir ta’ persuni esperti li għandhom il-ħiliet neċessarji biex jgħinu lill-ġudikatura f’dawn l-oqsma partikolari jew li jagħżlu li jipprattikaw il-professjoni speċjalizzata tagħhom fil-qasam purament ġudizzjarju.

Intant, il-Prim Imħallef qal li f’dawn ix-xhur sab lil sħabu ġudikanti lesti li jkomplu jaħdmu b’ħiliethom kollha u dan minkejja d-diffikultajiet li jsibu. Hu saħaq li sab amministrazzjoni tal-qrati li tagħti iktar minn dak mistenni bl-għodda għad-dispożizzjoni tagħha u Kamra tal-Avukati li dejjem lesta tgħin biex il-magna ġudizzjarja ma tistallax.

Finalment hu għalaq b’ringrazzjament lil sħabu membri tal-ġudikatura, l-amministrazzjoni tal-qrati, is-support staff kollu u l-avukatura li dejjem sibthom ta’ għajnuna u ta’ sostenn f’pożizzjoni kostituzzjonali li hu stqarr li qatt ma aspira għaliha iżda aċċetta b’sens ta’ dover lejn l-Istat Malti. “Il-wegħda tiegħi u ta’ kull ġudikant hi li b’umiltà nagħmlu ħilitna biex naqdu d-doveri tagħna, mhux bil-kelma biss iżda bl-eżempju f’xogħolna, fis-servizz u fil-qadi ta’ dmirijiet bla ebda distinzjoni jew eċċezzjoni.” temm jgħid il-Prim Imħallef.