Internazzjonali

L-UE tibda azzjoni legali kontra r-Renju Unit fil-kwistjoni ‘Brexit’

L-Unjoni Ewropea bdiet il-proċeduri legali kontra r-Renju Unit talli l-Britanniċi rifjutaw li jwarrbu għall-pjani biex ‘jinjoraw’ sezzjonijiet tal-ftehim għad-divorzju minn ma’ dan il-grupp ta’ pajjiżi.

Dan il-pass kien ikkonfermat wara li skada d-deadline tal-UE biex il-Gvern tar-Renju Unit jirtira xi elementi tal-abbozz kontroversjali magħruf bħala l-Internal Market Bill u li qed joħolqu diżgwid ġdid ma’ Brussell.

L-hekk-imsejħa ‘ittra ta’ twissija formali’ (letter of formal notice) kapaċi twassal għal każ ta’ qorti kontra r-Renju Unit fil-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea – li hi l-ogħla qorti tal-Unjoni Ewropea.

L-ittra inkwistjoni hi ‘l-ewwel fażi’ tal-proċess li tuża l-Kummissjoni Ewropea fil-konfront ta’ pajjiżi li jistgħu jiksru l-liġijiet tal-UE – bil-potenzjal li l-Gvern ta’ pajjiż partikulari jkun kostrett li jwieġeb quddiem l-isemmija Qorti Ewropea.

Madankollu, numru ta’ każi tipiċi, fil-passat, kienu solvuti qabel il-ħtieġa li l-partijiet inkwistjoni jaslu sa din il-fażi. Hu minnu wkoll li jistgħu jgħaddu ħafna snin sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tibda tipproċessa każ kontra Stat speċifiku li seta’ abbuża r-regoli.

Sadanittant, ir-Renju Unit sostna li se jwieġeb għall-ittra ta’ twissija formali ‘fiż-żmien opportun’.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet li r-Renju Unit se jkollu sal-aħħar ta’ Novembru biex iwieġeb għat-tħassib tal-UE dwar l-abbozz ta’ leġislazzjoni inkwistjoni.

Madankollu l-UE se tkompli bit-taħditiet, fi Brussell, għal ftehim kummerċjali ta’ wara Brexit mar-Renju Unit.

Meta tkellmet, fl-aħħar sigħat, dwar is-sitwazzjoni mar-Renju Unit, Ursula von der Leyen qalet li l-abbozz ikkonfermat mill-Gvern Britanniku għandu jitqies bħala ‘kontradizzjoni totali’ tal-impenji preċedenti tar-Renju Unit rigward kif għandha tkun evitata fruntiera riġida għall-Irlanda.

Madankollu, il-kelliema għall-Gvern ta’ Johnson qed jinsistu li dan l-abbozz, fil-fatt, jgħodd daqslikieku ‘salvagwardja neċessarja’ għall-protezzjoni ta’ kummerċ bejn bnadi differenti tar-Renju Unit.

Id-deputati fil-Parlament Britanniku kienu taw l-appoġġ finali għall-abbozz aktar kmieni fil-ġimgħa. Intant, l-abbozz irid ikun ikkonfermat ukoll mill-House of Lords (magħmul minn membri li mhumiex eletti mill-poplu) ta’ Londra qabel jgħaddi bħala liġi.