Coronavirus Knisja Lokali

Quddiesa speċjali għall-vittmi tal-Covid-19 f’pajjiżna

Il-qraba ta' dawk li mietu bil-Covid-19 huma mħeġġa jgħaddu isem il-vittmi biex ikunu mfakkra f'din il-Quddiesa

In-Nazzjonijiet Uniti tiddikkjara l-1 t’Ottubru ta’ kull sena bħala l-Jum Internazzjonali tal-Persuni Anzjani.

F’dan il-jum speċjali jiġu ċċelebrati l-ħajjiet ta’ dawk kollha li ġew qabilna u li ssieltu biex iwaqqfu s-sisien tal-komunitajiet tagħna.

Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha ħafna tbatija għal kulħadd, iżda b’mod partikolari għall-anzjani fil-komunitajiet tagħna.

Tlifna ħafna anzjani qabel il-waqt minħabba l-virus, filwaqt li oħrajn qed jissieltu din l-isfida ta’ kuljum. Madankollu hemm oħrajn li qed ibatu tbatija bħal qatt qabel, taqlib emozzjonali u weġa’ kbira hekk kif spiċċaw waħedhom fi djarhom, fil-komunità jew f’residenzi, maqtugħin u mbegħda mill-maħbubin tagħhom.

Id-Dipartiment għall-istudji fil-Ġerentoloġija u d-Dementia fi ħdan il-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà flimkien mal-istudenti tagħhom qed jorganizzaw Quddiesa biex jitfakkru dawn l-anzjani u l-isfidi li qed jiffaċċjaw kif ukoll b’ċelebrazzjoni tal-ħajjiet ta’ dawk li tilfu ħajjithom.

Din iċ-ċelebrazzjoni se ssir fis-7 t’Ottubru fis-6.30pm, fil-Kunvent u s-Santwarju ta’ Santa Tereża, B’Kara.

Qraba ta’ anzjani li tilfu ħajjithom bil-Covid-19 huma mħeġġa jgħaddu l-ismjiet tal-maħbubin li tilfu permezz ta’ email lil gerontology.fsw@um.edu.mt jew iċemplu fuq 2340 2237. Dawn l-ismijiet jingħataw lis-Saċerdot li se jiċċelebra l-Quddiesa b’suffraġju għal ruħhom.

Ikkummenta