Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Se jiġu introdotti Rangers fl-imsaġar tal-Mellieħa

Ħidmet il-PN twassal biex ikunu ingaċċati għadd ta' Rangers

“Sa fl-aħħar se jkunu introdotti r-Rangers biex iħarsu l-imsaġar tal-Mellieħa.” Hekk qal il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport, Żgħażagħ, Ġlieda kontra l-Obeżità u l-NGO’s, fejn minn idea li nibtet sentejn ilu, issa se ssir realtà. F’kummenti li għadda lil dan l-istazzjon Robert Cutajar qal li huwa sodisfatt li wara li qajjem diversi drabi dan il-punt fil-Parlament, il-Gvern illum qed jimxi fuq il-pariri tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.

Dwar dan tkellem ukoll Ivan Castillo, il-Minority Leader tal-PN fil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fejn tenna li wara ħidma mill-PN fil-Kunsill Lokali, fejn anki saru numru ta’ talbiet lill-Awtoritajiet sabiex fil-Mellieħa issa se jkunu introdotti r-Rangers biex l-ambjent tal-bnadi jkun imħares u protett issa qed jidher li l-Ministru tal-Ambjent Aaron Farrugia se jintroduċi sitt Rangers.

Fil-kummenti tiegħu huwa qal li jinsab sodisfatt li t-talba u l-ideat tal-PN kienet strumentali biex issa dawn l-imsaġar ikunu mħarsa.

Huwa qal li huwa tajjeb li dan se jseħħ, iżda qal li kieku l-parir tiegħu u ta’ sħabu ttieħed qabel u ġew  introdotti numru ta’ xhur ilu kieku kienu jiġi evitat l-vandaliżmu, il-ħruq ta’ siġar u rimi bl-addoċċ ta’ skart fil-Miżieb u l-Aħrax.

Apparti  minn hekk huwa qal li wieħed jispera li r-Rangers isibu l-appoġġ kollu tal-Awtoritajiet kif ukoll li jingħataw it-taħriġ u l-poteri meħtieġa sabiex iwettqu xogħolhom b’mod effettiv.

Huwa għalaq billi qal li fiż-żmien diffiċli tal-COVID-19 meta mijiet ta’ ħaddiema tilfu jew qed jitilfu xogħolhom, il-kunċett tal-green jobs jista’ jkun soluzzjoni li ssolvi parti minn din il-problema, barra minn hekk iktar nies isiru konxji tal-ambjent ta’ madwarna.

Ikkummenta