Lokali Qorti

Apap Bologna ma kienx jaf li l-business partner tiegħu Gasan irid joħroġ mid-deal tal-Electrogas

Paul Apap Bologna ma jafx li l-business partner tiegħu, l-kumpanija Gasan trid toħroġ mid-deal tal-Electrogas hekk kif il-kontroversja marbuta ma’ dan il-proġett kompliet tikber. Huwa qal li sar jaf b’dan kollu permezz tal-media.

Tenna li s-Sur Gasan ma infurmahomx bl-istqarrija li jridu joħorġu mill-konsorzju tal-Electrogas. Dwar meta kellhom jagħmlu profitt mill-proġett qal li l-mira kienet li l-profitt jibda jsir fis-sena 2023.

Huwa qal ukoll li ma kienx jaf li Yorgen Fenech kellu l-intenzjoni li jidħol għal proġett simili fil-Bangladesh. Anke hawn, qal li sar jaf dwar dan mill-media. B’mod sarkastiku, l-Imħallef Abigail Lofaro qaltlu, “Dażgur li sirt taf mill-midja.”

Dan fid-dawl tal-fatt li Paul Apap Bologna fuq kollox b’mod ripetut tenna li ma kienx jaf x’qed jiġri u l-affarijiet sar jafhom permezz tal-media. Anke jekk kienx isegwi l-blog ta’ Daphne Caruana Galizia, tenna li mhux dejjem.

Dwar kemm jaf lil Yorgen Fenech huwa qal ukoll li ftit li xejn u lanqas mhuwa konxju ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, b’dan tal-aħħar ma ltaqa’ miegħu qatt. Meta lil oħrajn rahom f’xi riċeviment qatt ma tkellem magħhom fuq il-proġġett.

Hekk kif spiċċat is-seduta l-Imħallef Abigail Lofaro infurmat lil Paul Apap Bologna li se jkun qed jintalab jerġa’ jixhed f’din l-inkjesta billi jrid jivverifika ċerti affarijiet li ma kienx ċert minnhom.

Fuq serje ta’ mistoqsijiet li saru mill-Avukat Jason Azzopardi, x-xhud qal li mhux minnu li huwa ta’ miljun ewro bħala donazzjoni lill-Partit Laburista għall-kampanja elettorali u qal li lanqas ewro ma ta.

L-Avukat Jason Azzopardi fakkar lix-xhud biex joqgħod ferm attent xi jgħid, billi fil-jiem li ġejjin se toħroġ informazzjoni mill-mowbajl ta’ Yorgen Fenech.

L-Avukat Jason Azzopardi qal lix-xhud li huwa fatt magħruf li qabel Jannar tal-2013, kien hemm laqgħat f’Level 22 f’Portomaso bejn Joseph Muscat, Mark Gasan u Yorgen Fenech.

Apap Bologna qal li la kien preżenti u lanqas kien jaf b’dawn il-laqgħat. Qal li ma jafx min hu sid Macbridge, li din il-ġimgħa mhux minnu li huwa ltaqa’ mad-Direttur ta’ Siemens anke jekk dan kien Malta.

Azzopardi jgħid lil Apap Bologna li hu kkonferma fil-preżentazzjoni tal-Electrogas li l-Gvern ried jiggarantixxi li l-istandards tal-Enemalta jżommu mal-istandards internazzjonali bbażati fuq pagament li jsiru fuq kemm ikun disponibbli, fost l-oħrajn.

Azzopardi staqsa jekk hu kienx jaf b’diskussjonijiet li saru mal-Enemalta peress li s-sejħa għall-interess mill-Korporazzjoni ħarġet xahar biss wara l-elezzjoni tal-2013. Apap Bologna qal li ma kienx jaf.

Dwar jekk Electrogas iddiskutietx li l-unika għażla kkunsidrata kienet se tkun “offshore” u mhux “inshore” , Apap Bologna jgħid li ma jiftakarx. Apap Bologna tenna li saru jafu bis-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Gasoil fil-bidu tal-2014, imma jrid jiċċekkja dwar dan.

L-Avukat Azzopardi li kien qed jaqra fuq il-ftehim dwar iffinanzjar qal li hawn jidher li fil-bidu tal-2014, kien diġà hemm dubji fuq il-finanzjament ta’ dan il-proġett.

Dan għaliex wieħed mill-partners ewlenin kellu diffikultajiet finanzjarji?” staqsa l-Avukat u dan fir-rigward għal Gasol. Apap Bologna qal li din kumpanija li tiffoka fuq proġetti infrastrutturali.

Dr Azzopardi wara kkwota artiklu mill-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia fuq l-assiguranza tal-proġett, li ddum madwar sena biex titlesta. Qal fuq kif qabel Jannar tal-2013, Apap Bologna jgħid li ma kkomunikax mal-Partit Laburista. F’April tal-2013, ġiet ippubblikata s-sejħa għall-interess.

“Kif jista’ jkun li rnexxielkom tirranġaw kollox fi żmien daqshekk qasir?” staqsa l-avukat. Dwar dan ix-xhud qal li jrid jiċċekkja.

Mistoqsi kif hu donnu mhux qed jinkwieta b’dak kollu li qed jiġri fejn anke isem il-kumpanija tiegħu tkun qed tidher f’dawl ikfraħ, qal li iva jinkwieta xi ftit, imma qal, dan kollu ħiereġ mill-media.

Huwa kkonferma wkoll li l-kumpanija qed tagħmel it-telf. Mistoqsi kienx konxju li l-kumpanija tiegħu ma ħallsitx il-pagamenti missellfa u hux qed jinkwieta. Qal li dan kollu sar jafu mill-media.

Il-kumpanija Gasan trid tħalli l-proġġett li ilu għal żmien twil jaffronta allegazzjonijiet serji ta’ korruzzjoni li wħud minnhom qed joħorġu wkoll fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju Daphne Caruana Galizia.

Gasan Enterprise hija waħda mit-tliet kumpaniji immexxija minn Maltin li investew f’dan il-proġett tat-tanker tal-gass. Dan flimkien mal-familja Fenech ta’ Tumas Group u l-familja Apap Bologna. It-tlieta flimkien għandhom GEM Holdings, li għandha sehem ta’ 33 fil-mija fil-proġett Electrogas.

L-unika xhud fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kien Paul Apap Bologna, li ilu Direttur mill-konsorzju mit-12 ta’ Novembru li għadda wara r-riżenja ta’ Yorgen Fenech. Kellu jixhed ukoll Mark Gasan, li ġie deċiż li issa se jixhed nhar it-Tnejn.

Dwar il-background tiegħu x-xhud qal li kien ġie Malta 20 sena ilu u jaħdem l-aktar fl-industrija tal-farmaċewtika. Qal li iżda l-kumpanija li jagħmel parti minnha ddiversifikat ħafna u anke daħlu fil-proġett tal-elecrogas biex tinbena l-powerstation.

Ix-xhud qal li huwa għex ħafna barra l-pajjiż u ħabib fir-Renju Unit tiegħu kien ilu jaħdem fis-settur tal-l-LNG barra minn Malta. Ħabib tiegħu kien ilu jaħdem f’dan is-settur mill-2007.

Kien sar pjan fuq il-ġenerazzjoni tal-enerġija fl-2016 u wara saret policy paper. Dan kellu l-għan biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-unika mod li dan seta’ jsir kien li ssir turbina tal-gass.

Qal li l-idea tagħhom kienet preżentata lil diversi setturi u dan bejn l-2007 u l-2008. Kienet ippreżentata wkoll lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi kif ukoll lill-Ministri Austin Gatt, George Pullicino u John Dalli u anke lil Paul Borg Olivier.

Gonzi kien qallu dak iż-żmien li kien proġett tajjeb u fehem li s-sistema tal-LNG kienet dik tal-futur. Kien iltaqa; wkoll mal-Ministru Pullicino li kien għamel laqgħa mal-ERA u Pullicino kien inqalalu xi ħaġa u fl-aħħar minuta ma kienx attenda għall-meeting.

Huwa qal li kien deċiż wara li l-idea taqa’ għaliex l-affarijiet ma bdewx mexjin il-quddiem. L-Imħallef Abigal Lofaro staqsiet jekk kienx għamel kuntatt mal-Partit Laburista u Apap Bologna wieġeb fin-negattiv.

Dan il-proġġett ġie ri-attivat fid-9 ta’ Jannar, meta kien hemm press release minn naħa tal-Partit Laburista, u għalhekk interessa ruħu. Qal li kien tkellem maż Yorgen Fenech wara li kien xtara l-ewwel dar tiegħu mingħand il-familja Fenech. Huwa kien iltaqa’ miegħu waqt party.

Qal li ta’ Fenech jafy jimmaniġġaw il-proġetti, għandhom il-meżżi u għalhekk kienet tagġmel sens li mmexxu. Fl-2008 qal li kien tkellem mas-Sur Gasan u fl-2013 kien George Fenech li ppreżenta l-proġett lil Gasan.

GEM Holdings (Green Energy Malta), qal li hu kien jemmen li dan il-proġett kellu jkun id-djamant tal-Mediterran. Qal li għalkemm kienet simili, l-preżentazzjoni li saret lill-Gvern Laburista kellha xi kunċetti differenti mill-proposta preżentata lill-Gvern Nazzjonalista.

Kompla jgħid li l-espressjoni ta’ interess ġiet preżentata wara l-elezzjoni tal-2013. L-Imħallef Lofaro staqsiet kif inbidel il-proġett. “Ippreżentajna pjan impjant ta’ 400MW fl-2017 biex jinbidel l-interconector.

Hawn il-Bord beda jistaqsi lix-xhud fuq Konrad Mizzi jekk kienx jafu u jekk qatt iltaqa’ miegħu qabel l-elezzjoni tal-2013 biex jiddiskutu l-proġett. Apap Bologna jwieġeb li ma jidhirlux.

“Diffiċli nemmnuk fuq din għaliex kif seħħ proġett ta’ dan il-kobor daqshekk malajr wara li tela’ l-Partit Laburista fil-Gvern?”staqsa il-Bord.  Ix-xhud tenna li ltaqa’ ma’ Konrad Mizzi l-ewwel darba wara li ħadu l-kuntratt.

L-Imħallef Abigail Lofaro ma tantx deheret konvinta u wissiet lix-xhud biex joqgħod attent meta jwieġeb il-mistoqsijiet, anke dwar Yorgen Fenech. Hawn huwa qal li ltaqa’ ma’ Yorgen Fenech dwar dan il-proġett f’nofs Jannar tal-2013.

Imbagħad tkellem ma’ missier Yorgen, George u wara, ikkuntattjaw lil Joe Gasan biex jaraw jekk Gasan kinux għadhom interessati fil-proġett. qal li George Fenech ikkuntattja lil Joe Gasan għax kienu jitkellmu ta’ sikwit minħabba negozji li kienu mdaħħlin fihom it-tnejn li huma flimkien.

Wara beda jkun ippressat mill-Bord dwar Keith Schembri fejn qal li fl-aħħar seba’ snin iltaqa’ miegħu xi tliet darbiet u li qatt ma ltaqa’ miegħu fuq il-proġett tal-powerstation.

Qal li mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ soċjalment u qatt ma ddiskutew il-powerstation. Hawn il-Bord deher li xorta ma kienx qed ikun konvint minn dan, u ried aktar dettalji.

“Le ma kontx nafu”, qal ix-xhud. L-Imħallef Lofaro staqsietu jekk kienx fl-interess tiegħu, li jsir jafu meta kien Kap tal-Oppożizzjoni u l-opinjoni pubbliku kienet favur tiegħu li dalwaqt li se jsir Prim Ministru?

L-Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino jistaqsi jekk kienx ħalla l-aspett poltiku f’idejn Yorgen Fenech bix-xhud iwieġeb, “li huwa ħgur huwa li Yorgen Fenech kien qed imexxi l-proġett.

Apap Bologna qal li kienu ltaqgħu ma’ Siemens f’Malta permezz ta’ Gasol, u anke Socar permezz ta’ Gasol.  Id-diskussjonijiet kienu ġew konklużi f’sitt ġimgħat. Qal li kkuntattjaw lill-PWC u kien hemm kumpaniji serji involuti f’dan il-proġett.

L-Imħallef Lofaro staqsiet jekk kienx kuntent bl-involviment tal-Ażerbajġan fil-proġett bix-xhud iwieġeb li dawn huma negozjanti taż-żejt u staqsietu jgħid kif din il–proposta ġiet ippreżentata f’sitt ġimgħat.

Qal li l-proposta ġiet preżentata fl-istess żmien li preżentawha t-18-il kumpanija oħra li applikaw għall-kuntratt. Il-Bord staqsa jekk is-sejħa għall-interess saritx apposta b’Electrogas diġa fi ħsiebhom. Ix-xhud qal li ma jaqbel xejn ma’ dak li qed jiġi implikat.

Wara dan il-grilling mill-Bord kienet l-Avukat Therese Comodini Cachia li bdiet tistaqsi l-mistoqsijiet. Huwa reġa’ qal li qatt ma tkellem fuq il-proġett ma’ Joseph Muscat meta ltaqa’ miegħu xi darbtejn f’okkażjonijiet soċjali.

Ix-xhud qal ukoll li hu qatt ma ddiskuta l-proġett mal-Partit Laburista. L-Avukat Comodini Cachia għaddiet preżentazzjoni lix-xhud. Apap Bologna kkonferma li din hija l-istess preżentazzjoni li wera t-tim tal-Electrogas.

Ix-xhud tenna li fl-2007 u fl-2008, hu u l-familja Gasan biss kienu interessati fil-proġett. Reġa’ saħaq li lil Yorgen Fenech bilkemm kien jafu. Huwa qal li ma kiex konxju li Yorgen Fenech kellu relazzjoni tajba ma’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi u l-bella kumpanija. Qal li huwa sar jaf dan meta ħadu l-kuntratt u wara mill-media.

Comodini Cachia staqsiet jekk kienx hemm awditjar interni meta bdew ħerġin il-konnessjonijiet bejn 17 Black u Electrogas. Apap Bologna sostna li meta ħarġu l-allegazzjonijiet fuq 17 Black, kellhom board meeting.

Ix-xhud qal li anke l-Panama Papers kienu ta’ tħassib kbir għalihom. Tenna li saru jafu bl-email leaks mis-server tal-Electrogas fis-27 ta’ Diċembru tal-2017. Sal-lum għadhom ma jafux min kien li żvela dawn l-emails.

Ix-xhud qal li meta ħareġ l-iskandlu tal-Panama Papers, iċċekkjaw biex jikkonfermaw jekk sarux xi tranżazzjonijiet, u sabu li ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni.

Joseph Said Pullicino qal lix-xhud li Daphne Caruana Galizia nqatlet f’Ottubru tal-2017 iżda diġa kien fid-dominju pubbliku li l-emails kienu leaked.

Ix-xhud qal li huwa kienx qara l-blog ta’ Daphne, b’Said Pullicino perpless u jgħid li huwa inaċettabbli li Direttur ta’ proġett ma jaqrax ix-xogħol li tagħmel ġurnalista investigattiva li kienet qed tiskrutinja l-proġett tiegħu stess.

L-Imħallef Lofaro staqsiet jekk qattx qara l-blogg ta’ Daphne bix-xhud jgħid li mhux dejjem. Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino irreaġixxa billi qal, “Tippretendi li se nemmnu li bl-involviment tiegħek fil-proġett u b’dak kollu li Daphne kienet qed tikteb fuq l-Electrogas li kont taqra l-blogg tagħha xi kultant biss?”

Il-Bord fakkar lix-xhud li kien qed qiegħed bil-ġurament. Qal li laħaq Direttur tal-Konsorzju f’Novembru tal-2019, wara r-reżenja ta’ Yorgen Fenech.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet għaliex ma staqsieħx għaliex kien irreżenja? “Ħa l-proġett tiegħek għax skont int, hu kellu aktar esperjenza, imma meta rreżenja ma staqsejtux għaliex?” irrepetiet Comodini Cachia.

Mistoqsi kienx inkwetat fuq ir-reputazzjoni tan-negozju tiegħu wara li kien hu li ħatar lil Yorgen Fenech direttur tal-Electrogas. Qal li din kienet akkuża minn naħa tal-media.

Il-Bord staqsa kienx jinteressah li jsir jaf jekk 17 Black kinitx finanzjata mit-taxxi tan-nies, bix-xhud iwieġeb li jaqbel li hija kwistjoni ta’ tħassib. Qal li ma kienx jaf li Yorgen Fenech kif f’kuntatt ma’ Turab Musayev li kien imexxi s-Socar u li hu qatt ma kien f’kuntatt ma’ Turab.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lix-xhud kif ma kkomunikax ma’ Socar dwar Musayev. “Kellek żewġ diretturi involuti fl-allegazzjonijiet”, hija qaltlu.

Apap Bologna sostna “infaqna ħafna flus fuq investigazzjoni fuq l-Electrogas. Għamilna rapport sħiħ mill-ewwel ġurnata tal-proġett u ma nstab l-ebda tbagħbis.”

Il-PWS irrakkomandatilhom li jagħmlu awditjar mil-lat finanzjarju u mil-lat forensiku. Tenna li bħala Diretturi kellhom l-obbligu li jagħmlu dan. Dwar kemm ilu jaf lil Brian Tonna minn Nexia BT qal li ltaqa’ miegħu ftit drabi.

L-Avukat Comodini Cachia qalet li Nexia BT kienet il-kumpanija li għamlet l-awditjar għal GEM Holdings. Qalet ukoll lix-xhud li huwa qara’ tant affarijiet fil-gazzetti, u x’għamel.

Saħaq li l-allegazzjonijiet kollha saru meta l-proġett kien diġà għaddej. Mistoqsi għaliex tal-anqas ma biddilx id-ditta tal-awditjar ta’ GEM Holdings, wara li ħarġu allegazzjonijiet fuq Nexia BT u l-Bank Pilatus.

Apap Bologna qal li dan ġie diskuss fil-Bord, u ddeċidew li Nexia BT kienet qed tagħmel biċċa xogħol tajba, allura qablu li jżommu dil-kumpanija. Il-Bord staqsa għaliex Electrogas ma kinitx qed tagħmel profitti.

Apap Bologna ġie mistoqsi dwar it-twaqqif ta’ GEM Holdings, tmien snin ilu. Jekk Nexia BT kinitx involuta. “Jiena qrajt dwarha fil-gazzetti,” huwa jwieġeb.

Nexia BT li hija ditta ta’ servizzi finanzjarji li waqqfet kontijiet offshore għal Konrad Mizzi u Keith Schembri u li s-sieħeb maniġerjali tagħhom, Brian Tonna, huwa mdaħħal f’allegazzjonijiet ta’ kickbacks relatati mal-bejgħ ta ’passaporti Maltin.

Apap Bologna qal li s-sieħeb fin-negozju tiegħu Mark Gasan “huwa wkoll imdejjaq bl-allegazzjonijiet”. L-Imħallef Lofaro: “Huwa mdejjaq ħafna! IMa jridx ikompli. Ara int le ”.

Il-Bord tal-Inkjesta jgħid li x’aktarx li kieku ma nqatlitx Daphne, kienet tippubblika informazzjoni li rċeviet fuq l-Electrogas u l-konsorzju magħżul mill-Gvern kien jispiċċa likwidat. Apap Bologna jgħid li din akkuża inġusta fil-konfront tal-kumpanija.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet kif l-eks Ministru għall-Enerġija Konrad Mizzi nnegozja ftehim għall-Enemalta biex din tassorbi €5 miljun fit-taxxa tas-sisa li kellha tħallas l-Electrogas. Qal li ma jafx u li jrid jiċċekkja.

Staqsiet ukoll jekk hemmx emails dwar dan li hu inkluż fihom u Mark Gasan mhuwiex. Apap Bologna qal li li jrid jiċċekkja. Mistoqsi meta akkwista l-garanzija tal-Istat għal dan il-proġett, wieġeb li dak iż-żmien ma kienx id-direttur, allura m’għandux din l-informazzjoni.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsi kif Konrad Mizzi ħareġ bil-prezz eżatt ta’ kemm se jiswa l-proġett f’Jannar tal-2013. Azzopardi talab lix-xhud biex ma jgħidlux jistaqsi lil Mizzi nnifsu. Għal darba oħra ix-xhud qal li ma jafx.

L-inkjesta li trid tistabilixxi jekk l-istat setgħax jagħmel xi ħaġa biex jippreveni l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, se tkompli nhar it-Tnejn fis-2.00pm. fejn mistenni jixhed Mark Gasan.