F’24 siegħa f’pajjiżna kelna tlett imwiet oħra u kienu rreġistrati 44 każ ġdid tal-virus filwaqt li 63 persuna irriżultaw li fiequ.
Tnejn mill-imwiet kien ħabbarhom il-Ministeru tas-Saħħa aktar kmieni llum, filwaqt li t-tielet mewta rreferiet għaliha s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika waqt il-briefing li tati kull nhar ta’ Ġimgħa. Charmaine Gauci ma tatx dettalji dwar dan l-aħħar każ, madankollu Net News għandu informazzjoni li l-mewta hija ta’ mara ta’ 69 sena li kienet rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei.
It-tlett imwiet seħħew bejn il-bieraħ u l-lejl li għadda.
Bħalissa fl-isptar Mater Dei hemm 21 pazjent bejn l-ITU, l-IDU u swali oħra, 7 jinsabu rikoverati fl-isptar Boffa, 10 f’St Thomas, 2 f’Monte Carmeli u 1 fl-isptar Ġenerali t’Għawdex.
Il-każi attivi f’pajjiżna issa huma 437, li jinkludu 14-il każ ta’ immigranti. Il-persuni li fiequ huma 2668.
Bħalissa f’Għawdex hemm 23 każ attiv.
It-total ta’ vittmi f’Malta issa tela’ għal 38, bil-maġġor parti tal-imwiet iseħħu fl-aħħar ġimgħat.
F’dan il-perjodu wkoll kienu rreġistrati numru kbira ta’ każi, b’mod partikolari fir-Residenza San Ġużepp fil-Fgura.
//= $special ?>