Lokali

“Evitaw il-preġudizzji – ħarsu lejn il-kuxjenza” – Arċisqof Charles Scicluna

“Evitaw il-preġudizzji partiġġjani u razzisti. Dan hu l-velenu li jħassar kull servizz ċiviku lejn ir-Repubblika.”

Sostna dan l-Arċisqof Monsinjur Charles J. Scicluna fl-Omelija tal-Quddiesa Pontifikali f’Jum l-Armata, li kienet iċċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, f’għeluq il-50 sena mit-twaqqif tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Monsinjur Scicluna qal li kollox għandu jkun imfassal fuq l-imħabba, u l-ubbidjenza tas-suldati hi wkoll att ta’ mħabba lejn il-pajjiż u ċ-ċittadin. L-Arċisqof sostna li l-imħabba vera ma tħarisx lejn uċuħ, iżda rispett lejn id-doveri ta’ pajjiżna.

Filwaqt li qabbel lis-suldati ma’ anġli kustodji, kustodji tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-poplu, hu rringrazzjahom talli huma l-ewwel nies li jxammru l-kmiem u jagħmlu dak kollu meħtieġ biex jgħinu. Madankollu, insista li filwaqt li s-sinsla tal-korpi dixxiplinati huma l-lealtà u l-ubbidjenza, il-poplu għandu bżonn garanzija li kull ordni li tittieħed ġejja mit-tajjeb u mhux mill-ħażin.

Il-Kap tal-Knisja f’Malta appella biex il-membri tal-Armata jkomplu jkunu xhieda tal-valuri fundamentali li fuqhom hi mibnija r-Repubblika ta’ Malta u li jaqduhom mingħajr ma jħarsu lejn uċuħ, iżda lejn il-kuxjenza.

Ħamsin sena ilu – proprju fl-1970 – il-Gżejjer Maltin kellhom l-ewwel armata, magħrufa bħala l-Malta Land Force, wara l-kisba tal-Indipendeza mir-Renju Unit. Fis-snin ta’ wara, ir-Royal Malta Artillery ġiet separata mill-Armata Brittanika wara 170 sena. Dan filwaqt li erba’ snin wara ġie ffurmat il-First Regiment AFM.