Lokali

HSBC immultat €5,000 mill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data

HSBC Bank Malta kien immultat €5,000 mill-Kummissarju għall-Informazzjoni u Protezzjoni tad-Data minħabba li naqas mill-obbligi tiegħu bħala kontrollur tad-data fil-konfront ta’ impjegat u uffiċjal ta’ trade union.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju Saviour Cachia sab ukoll nuqqas min-naħa ta’ HSBC fir-Renju Unit li ma nformax lis-sussidjarja f’Malta dwar it-talbiet għall-informazzjoni li saru minn Mark Muscat. Dan wara li anki l-Kummissarju għall-Informazzjoni tar-Renju Unit kien sab li HSBC naqas mill-obbligi tiegħu marbuta mal-protezzjoni tad-data.

Il-każ imur lura għal Lulju 2018 meta Muscat kien talab lil HSBC id-dritt li jkollu aċċess għall-informazzjoni li nġabret dwaru mill-HSBC fil-vesti tiegħu ta’ kontrollur tad-Data.

Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-Data tistipula li t-talba għandha tiġi proċessata fi żmien xahar minn meta l-kontrollur ikun irċieve t-talba. Dan iż-żmien jista’ jiġi estiż sa xahrejn oħra diment li l-kontrollur ikun ikkomunika ma’ min ikun għamel it-talba li se jkollu bżonn iktar żmien u għandu jagħti raġunijiet għal dan.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data sab li HSBC dam iktar minn tliet xhur sabiex wieġeb għat-talba – li hu iktar miż-żmien stipulat mill-liġi. Barraminhekk, il-Bank naqas milli javża lil Mark Muscat li se jieħu iktar żmien biex jipproċessa t-talba u lanqas ma ta raġunijiet għaliex se jkollu bżonn l-estensjoni.

Mark Muscat ilmenta wkoll li meta eventwalment ingħata risposta, il-Bank ċaħħdu parzjalment mid-dritt tal-informazzjoni dwar x’data qed tinġabar dwaru. Il-Kummissarju għad-Data fakkar li restrizzjoni ma tfissirx projbizzjoni u din għandha tkun xi ħaġa temporanja.

Fost ir-raġunijiet li kontrollur jista’ jimponi restrizzjoni fuq l-informazzjoni mitluba hi meta jkun hemm proċeduri legali bejn il-partijiet, kif inhu l-każ f’din is-sitwazzjoni partikolari. u l-informazzjoni hi parti mill-provi li se jesibixxi l-kontrollur.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Kummissarju qal li filwaqt li r-restrizzjoni min-naħa tal-Bank kienet ġustifikata f’dan is-sens, il-ġustifikazzjoni ma testendix għal Facebook post partikolari li saret minn Mark Muscat u li dwarha, HSBC ipproċessa data personali. Għalhekk, fir-rigward ta’ dan, il-Kummissarju sab lill-Bank ħati ta’ ksur tad-drittijiet ta’ Mark Muscat.

Minbarra l-multa amministrattiva ta’ €5,000, il-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data ordna lill-Bank HSBC sabiex:

  • Fi żmien ħamest ijiem minn din id-deċiżjoni jipprovdi kopja tal-informazzjoni miġbura u proċessata minnu lil Mark Muscat u jinforma lill-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data li dan fil-fatt sar.
  • Jgħaddi l-bqija tal-informazzjoni miġbura mill-Bank fil-konfront ta’ Mark Muscat ladarba l-proċeduri legali bejn il-partijiet ikunu eżawriti.
  • Fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din id-deċiżjoni, ikun hemm il-qafas ta’ proċeduri bejn HSBC fir-Renju Unit u HSBC Malta sabiex l-obbligi tal-liġi bejn Kontrollur u Proċessur rispettivament ikunu osservati u implimentati.