Ambjent Lokali

Il-bdiewa tħallew sena u seba’ xhur jistennew l-għajnuna mill-Gvern Laburista

Ritratt: Martin Agius

Wara li tħallew sena u seba’ xhur jistennew l-għajnuna u jaffaccjaw diffikultajiet kbar waħedhom, il-Gvern Laburista issa jrid jiftaħar bl-għajnuna li jrid joffri lill-bdiewa li soffrew il-ħsara fl-uċuh tar-raba’ fil-maltemp tat-23 u l-24 ta’ Frar 2019. Dan kollu daħk fil-wiċċ.

Li kieku l-Gvern Laburista ried tassew jgħin lill-bdiewa kien ikun responsabbli biżżejjed li jħabbar l-għajnuna mal-ewwel u mhux iħalli lill-bdiewa jfendu għal rashom quddiem id-diffikultajiet li sabu ma wiċċhom.

Dan saħqu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Tisħiħ tal-Agrikoltura u s-Sajd, Delizzji, Self Employed u l-Koperattiv, Edwin Vassallo li qal li kien hu stess li fil-Parlament kien talab lill-Gvern biex jgħin lill-bdiewa li sofrew danni fl-uċuh tar-raba’ minħabba l-maltemp u din il-proposta kien ġiet redikolata mill-Ministru ta’ dak iż-żmien zmien.

Illum din il-proposta qed issir għax il-Gvern ma ħariġx l-għajnuna kollha li kien wiegħed lill-bdiewa li soffrew danni f’serer ikkawżati mill-istess maltempa.

Filwaqt li huwa tajjeb li l-Gvern fl-aħħar irrealizza li jrid jgħin lill-bdiewa, mhix responsabbilita’ reali li l-ewwel ħallihom waħedhom dawn ix-xhur kollha, kompliet tgħid l-istqarrija.

Din mhix responsabbiltà u wisq aktar serjetà. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-bdiewa jixirqilhom ferm aħjar temmet l-istqarrija.