Internazzjonali

Il-Belarus iwieġeb għas-sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea

Il-Gvern tal-President Alexander Lukashenko għadu kemm fassal lista ta’ persuni li huma projbiti milli jidħlu l-Belarus – b’dan il-pass qed isir bħala ritaljazzjoni għas-sanzjonijiet li l-Unjoni Ewropea imponiet, sigħat ilu, fuq dan il-pajjiż.

L-Istati-membri tal-UE, wara sigħat ta’ taħditiet, qablu li jissanzjonaw mal-40 uffiċjal tal-Belarus li huma akkużati bil-manipulazzjoni tal-elezzjoni presidenzjali tad-9 ta’ Awwissu li ‘ikkonfermat’ rebħa oħra għal Lukashenko, li ilu jmexxi pajjiżu mill-1994.

Ir-rebħa, intant, irriżultat f’mewġa ta’ protesti tal-massa u azzjonijiet industrijali li għadhom għaddejjin sallum.

Intant, il-Belarus ma semmiex l-uffiċjali fuq il-lista tas-sanzjonijiet li ħejjew l-awtoritajiet f’Minsk – u lanqas ma kienu identifikati l-pajjiżi ‘implikati’.

Il-President Lukashenko wieġeb għall-kriżi ta’ pajjiżu bi spinta fil-politika tiegħu għall-avviċinament mar-Russja – l-alleata tradizzjonali li qed issostni lill-Gvern ta’ Minsk b’self ta’ flus u offerta għal appoġġ militari.

Dan meta l-awtoritajiet f’Minsk u r-Russja t-tnejn qed jakkużaw lill-Punent dwar indħil fil-Belarus.

Lukashenko u l-President Russu, Vladimir Putin, illum iddiskutew is-sitwazzjoni bit-telefon, bil-kelliema f’Moska jgħidu li ż-żewġ mexxejja ‘tennew fiduċja li l-problemi li qamu s’issa dalwaqt se jkunu solvuti’.