Lokali Qorti

Il-Qorti tilqa’ talba minn tnejn li għamlet id-difiża ta’ Yorgen Fenech

Għalkemm ċaħdet it-talba li biha jiġu lokalizzati t-telefonati ta' 13-il individwu, aċċettat li d-Difiża jkollha aċċess għar-rikordings tal-istqarrijiet li taw ix-xhieda lill-Pulizija

F’digriet tal-Maġistrat Rachel Montebello, il-Qorti ċaħdet it-talba tal-avukati ta’ Yorgen Fenech li jingħataw il-lokazzjoni tal-mobiles u kwalunkwe informazzjoni b’rabta mat-telefonati ta’ 13-il persuna.

Il-Ħamis, id-difiża talbet ripetutament sabiex tiġi preservata l-evidenza, inkluz mit-telefown ċellulari tal-akkużat u ta’ dawn il-persuni li ġejjin: l-eks-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri u l-avukat tiegħu, Edward Gatt, tal-middleman Melvin Theuma flimkien ma’ tas-sieħba tiegħu u bintha, tal-eks-Ministru Laburista, Chris Cardona, tal-eks Kummissarju, Lawrence Cutajar, ta’ Edwin Brincat il-Ġojja, Kenneth Camilleri flimkien ma’ Johann Cremona.

Din l-informazzjoni se tingħata biss meta tkun il-ħtieġa għaliex il-Qorti rrikonoxxiet li għalkemm l-importanza li tiġi ippreservata din l-informazzjoni, din ma ssirx a skapitu tal-libertà u l-privatezza tal-persuni indikati.

Dan filwaqt li kkwotat liġijiet Maltin u Ewropej biex tiġġustifika li t-talba kienet sproporzjonata, bil-Maġistrat tinnota li d-difiża ma talbitx għal xi informazzjoni speċifika iżda biex tinġabar kemm jista’ jkun informazzjoni, saħansitra li m’għandhomx konnessjoni diretta mal-assassinju, biex tkun ta’ għajnuna għaliha fil-każ.

Għalkemm ittieħdet din id-deċiżjoni, il-Qorti kkjarifikat li talbiet futuri mhux bilfors jiġu miċħuda jekk jintlaħqu r-rekwiżiti meħtieġa.

Talba oħra tad-difiża, dik li jkollha aċċess għar-rikordings tal-istqarrijiet li x-xhieda, li ressqet il-prosekuzzjoni fil-każ, taw lill-Pulizija, din id-darba ġiet milqugħa mill-Maġistrat Rachel Montebello.

Din it-talba sabet l-oġġezzjoni tal-Avukat Ġenerali, iżda l-Maġistrat saħqet li l-akkużat, f’dan il-każ Yorgen Fenech, għandu dritt għal smigħ xieraq mingħajr ma jixxekkel id-dritt li fid-difiża tagħhom, jisfidaw lix-xhieda li xehdu kontrihom

Din id-deċiżjoni ttieħdet fl-isfond li l-Ħamis li għadda, l-avukat Charles Mercieca insista li jekk il-klijent tiegħu mhux se jingħata d-dritt jaghti l-evidenza tieghu, se jkun qed jitlob biex il-kumpilazzjoni tkun iddikjarata nulla.

Huwa saħaq li Yorgen Fenech għandu rekordings li jista’ jippreżenta bħala evidenza u li jikkontradixxu dawk li diġà nstemgħu fil-Qorti.