Lokali

Kif nistgħu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna tul il-pandemija?

Għandna nbiddlu l-mentalità tagħna dwar is-saħħa mentali … ejja nfittxu l-għajnuna.

Hekk sosniet il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Stephanie Dimech Sant, f’intervista ma’ NET News, fejn spjegat li hu xjentifikament ipprovat li wieħed minn kull tliet persuni xi darba matul ħajjithom se jsofru minn problemi ta’ saħħa mentali. Iżda saħqet li l-pandemija tal-Coronavirus ċertament li qed taffettwa lil kulħadd.

Hi qalet li bl-għan li nevitaw episodji ta’ ansjetà, ħsibijiet ta’ inkwiet li tant jiżdiedu u li jieħdulna kontroll ta’ ħajjitna, wieħed għandu jillimita kemm jista’ milli jiġi bbumbardjat b’informazzjoni. Insistiet li dan hu wieħed mill-iżvantaġġi tal-media soċjali li rajna fl-aħħar xhur, għalkemm dan irid iseħħ billi ngħinu lilna nfusna wkoll.

Stephanie Dimech Sant sosniet li n-numru 1770 tal-Fondazzjoni Richmond hu disponibbli 24 siegħa kuljum, fejn persuna tista’ ssib professjonisti li jisimgħuha u jgħinuha mingħajr l-ebda ħlas, filwaqt li tinżamm l-anonimità tal-persuna wkoll.

Saħqet li l-ammont ta’ telefonati li rċievew fl-aħħar xhur dejjem kien konsistenti man-numru ta’ żidiet fil-każi, fejn spjegat ukoll li dan l-aħħar, it-tip ta’ telefonati qed jinbidlu.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond ħeġġet lill-pubbliku biex ma joqgħodx lura milli jfittex l-għajnuna ħalli jkun limitat l-impatt fit-tul tal-virus.

Hi appellat ukoll lil dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra huma verament beżgħana milli joħorġu biex tal-inqas imorru passiġġata waħedhom jew ma’ dawk il-persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf, biex ibiddlu l-ambjent ta’ madwarhom.

Dan filwaqt li appellat liż-żgħażagħ biex bl-użu tat-teknoloġija jkellmu lill-ġenituri u lin-nanniet tagħhom.