Meta wieħed jirfes f’Santwarju li qatt ma jkun żar, ma jkunx jaf eżattament x’għandu jistenna, u ħafna drabi l-esperjenza tkun waħda għal kollox unika.
Dan żgur li huwa l-każ għal min jirfes għall-ewwel darba fil-Knisja ċkejkna tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl (MSSP) f’Birkirkara.

Magħruf ma’ ħafna bħala l-Oratorju, din in-naqra ta’ Knisja (meta wieħed iqis il-kobor ta’ ħafna mill-Knejjes tagħna), hija s-Santwarju li ħafna jqisu bħala d-dar spiritwali tagħhom u jattendu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Quddies hawnhekk b’mod regolari, anke jekk uħud minn dawn il-fidili jiġu minn irħula ‘l bogħod.

Fr Martin Cilia, li jmexxi dan l-Oratorju, kien strumentali biex xpruna il-proġett ta’ tisbiħ li sar f’dan il-post, bis-saħħa, l-enerġija u l-kontribuzzjoni jiet tal-komunità kollha tul l-aħħar snin. Il-Knisja għaddiet minn trasformazzjoni totali u llum hija ġojjell tal-arti li madankollu ssaħħrek bis-sempliċità tagħa.

Dan il-proġett trasforma mhux biss il-ġebla ta’ komunità, iżda kien vjaġġ ta’ trasformazzjoni għall-komunità kollha.

Fil-ktieb Living Stones, jew Ġebel Ħaj, Fr Martin idaħħalna mhux biss fis-Santwarju, iżda fil-qalba ta’ din il-komunità. Hu jiddeskrivi lill-Knisja tal-ġebel bħala l-punt tat-tluq, il-manifestazzjoni ta’ vjaġġ ieħor li jagħmlu n-nies, li jfittxu l-fidi fi vjaġġ flimkien.

F’kelmtejn ta’ qabel, il-Perit u Professur Richard England, jikteb li l-proġett tat-trasformazzjoni tal-Knisja mill-komunità li huwa wkoll jagħmel parti minnha, kien vjaġġ li sar fil-fidi, u li ma kienx nieqes mit-talb għall-għajnuna Divina. England jgħid li l-Komunità emmnet bis-sħiħ fil-kliem ta’ Salm 127 “Jekk il-Mulej ma jkunx mal-bennej, il-bini m’għandux użu”.

Ix-xbihat fil-ktieb tal-ħafna ikoni, passjoni ta’ Fr Martin, li jinsabu fl-Oratorju, u li ħafna minnhom huma xogħol Nathaniel Theuma, huma biċċiet ta’ arti mill-isbaħ. Iżda wieħed japprezzahom ferm aktar meta jkollu l-opportunità jisma lil Fr Martin jispjega u jidħol fl-anqas dettall biex iwassal dak li l-artist verament kellu f’moħħu u s-simboliżmu li fiha l-pittura.

Mill-passaġġ ta’ mużajk dehbi li mill-bieb ta’ barra jswasslek quddiem is-Sagrament, sal-bieb ta’ barra bil-kliem ta’ San Pawl “sakemm Kristu jissawwar fik” imnaqqax bejn l-Alpha u l-Omega, kull ħaġa li hemm f’din il-Knsija tpoġġiet jew saret bi ħsieb li twitti t-triq lill-fidili ta’ din il-komunità fil-vjaġġ ta’ fidi tagħhom.

Il-Ktieb Living Stones huwa testimonjanza ta’ dak li sar, imma wkoll huwa parti mill-vjaġġ tal-fidili ta’ din il-komunità. Huwa xhieda tal-imħabba li biha l-Missjunarji ta’ San Pawl jaħdmu f’komunitajiet differenti skont il-bżonn tagħhom, u xhieda ta’ kemm meta komunità tingħaqad fil-fidi tista’ toħloq affarijiet sbieħ.

Ir-ritratti t’hawn fuq huma ftit minn dawk ippubblikati f’dan il-ktieb.
Kull min jixtieq jidħol aktar fil-fond u interessat jakkwista dan il-ktieb jista’ jikteb: Oratorju MSSP, Triq San Ġiljan, Birkarkara BKR2806, iżur is-sit oratorju@mssp.org.mt jew jibgħat email fuq oratorju@mssp.org.mt jew iċempel fuq 2144 1917 jew 9927 7648.
//= $special ?>