Internazzjonali

L-Armenja lesta għal taħditiet biex jieqaf il-konflitt dwar Nagorno-Karabakh

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin tal-Armenja qal li ‘jinsab lest biex jidħol fil-kuntatti’ ma’ Franza, ir-Russja u l-Istati Uniti, f’impenn biex jieqaf il-konflitt militari bejn l-Armeni u l-Ażerbajġan li ilu għaddej kważi ġimgħa.

Il-ġlied dwar id-dritt tas-sovranità fuq Nagorno-Karabakh – it-territorju polemikuż fin-nofsinar tal-Kawkasu – kien żbroffa nhar il-Ħadd, bl-Armeni u l-Ażeri qed jakkużaw lil xulxin bħala ‘l-ixprun wara l-aħħar vjolenza’.

L-artijiet ta’ Nagorno-Karabakh ( li l-awtoritajiet lokali ddikjarawh repubblika) huma uffiċjalment parti mill-Ażerbajġan iżda huma kontrollati mill-Armeni etniċi.

L-Armenja u l-Ażerbajġan, it-tnejn eks Stati Sovjetiċi, kienu daħlu fi gwerra dwar Nagorno-Karabakh bejn l-1988 u l-1994 – u għalkemm kienu qablu dwar waqfien mill-ġlied huma ma waslu qatt fi ftehim konkret dwar it-territorju.

Franza, ir-Russja u l-Istati Uniti, intant, ilhom isejħu għal waqfien mill-ġlied – bl-Ażerbajġan ma jagħtix reazzjoni pożittiva fir-rigward tat-taħditiet proposti.

Il-qawwiet Armeni qalu li huma, waqt l-aħħar ġlied, għamlu ‘l-avvanzi ġodda’ filwaqt li akkużaw lit-truppi Ażeri dwar bumbardamenti fuq xi villaġġi fejn irriżultaw il-vittmi ċivili. L-Armenja qalet ukoll li l-qawwiet tagħha waqqgħu diversi drones li kienu qed itiru minfuq il-kapitali, Yerevan, iżda l-Ażerbajġan qed jiċħad li dan hu minnu.