Carl Ciantar ta’ 31 sena li kien ġie kkundannat ħames xhur ħabs wara li fil-Qorti tal-Maġistrati nstab ħati li f’Ġunju tal-2014 agredixxa raġel ingħata probation fl-Appell minħabba li l-Qorti qalet li r-raġel minn Ħal Tarxien immmatura minn dak iż-żmien ‘l hawn u piena ta’ ħabs żgur li mhux se tagħmillu ġid.
Minkejja li huwa nstab ħati wkoll mill-Imħallef Giovanni Grixti ġie kkunsidrat il-fatt li l-vittma ħafer lill-imputat u l-fatt ukoll li meta ġie ppreżentat l-appell Carl Ciantar kellu problema ta’ droga.
Il-Qorti minn naħa tagħha qalet li dan kien inċident ikrah ferm li ċertament ilissen biża. Għaliex nuqqas ta’ ftehim bejn sewwieqa fit-toroq qatt u qatt ma għandu jwassal ghall-reazzjoni fiżika u vjolenti bhal din.
Il-każ kien seħħ meta Carl Ciantar kien qed isuq u kellu argument ma’ sewwieq ieħor. Kien segwieh u f’ħin minnhom beda jagħtih bil-ponn. Ciantar madankollu dejjem ċaħad dan kollu.
Fil-Qorti, ħareġ li l-argument inqala’ fi Triq Ninu Cremona, Raħal Ġdid waqt li l-vittma, Jean Claude Ciantar kien qed jirriversja biex joħroġ mill-post fejn kien ipparkjat.
Carl Ciantar inzerta kien għaddej mill-istess triq u dehrlu li Ciantar kien offendieh b’ommu. Jean Claude Ciantar minn naħa tiegħu qal li l-imputat beda jagħti fuq il-vettura tiegħu u wara tah daqqa ta’ ponn f’wiċċu filwaqt illi l-Carl Ciantar qal li qatt ma mess lil Jean Claude Ciantar jew lil-karozza tiegħu.
L-imputat fl-Appell ikkritika s-sentenza mogħtija mill-Ewwel Qorti minħabba li din skartat il-verżjoni tiegħu minkejja li huwa kien konsistenti mill-bidu sal-aħħar, u straħet biss fuq dak li xehed l-allegat vittma u li iżda mhix korroborata minn xhieda oħra
Carl Ciantar qal li għalkemm l-allegat inċident ġara f’post movimentat ħafna, l-parti ċivili naqas ukoll li jesebixxi riċevuti tal-ħsara li saret fuq il-vettura tiegħu u li ma kienx kredibbli.
L-Ispettur Hubert Cini spjega li kien sar rapport minn ċertu Jean Claude Ciantar li kien aggredit fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid minn ċertu Carl Ciantar. Carl Ciantar kien saq wara Jean Claude Ciantar u wara li laħqu bil-karozza niżel għalih u tah daqqa ta’ ponn.
Certifikat mediku li ngħata mill-vittma kien jindika offiżi gravi fil-wiċċ. It-Tabiba Josianne Sammut kienet eżaminat lill-vittma fil-poliklinika ta’ Raħal Ġdid u qalet li kellu ferita ċkejkna fuq il-ħaddejn tax-xellug li kellha bżonn il-punti.
Kien ħiereġ id-demm minn imnieħru u l-imnieħer kien mgħawweġ lejn naħa minnhom. Minħabba dan kellu jintbagħat il-Mater Dei biex jarawh l-ispeċjalisti. Mitluba tghid ma’ x’hiex kienu kompatibbli dawk l-offiżi qalet li jista’ jkun riżultat ta’ xi daqqa.
Jean Claude Ciantar xehed kif kien ipparkjat fil-pjazza ta Raħal Ġdid u beda jreġġa’ lura bil-mod minħabba li kien hemm vann twil. Dak il-ħin sema’ lil xi ħadd idoqqlu l-horn. F’daqqa waħda ra vann jieqaf u persuna niżlet minnu u biex jevita l-paroli x-xhud saq il-karozza lejn l-ewwel triq ‘l isfel.
Il-persuna beda jgħajjat u mar ħdejn il-karozza u tah daqqa ġo wiċċu u telaq ‘l hemm, għalhekk saq lejn l-għassa. Qal li kien ċert li ma offendihx b’ommu u qallu li jekk kien sema’ hekk kien qed jiskuża ruħu biex b’dan il-mod jikkalma l-affarjiet.
Qal li l-imputat beda jagħti fuq il-karozza fuq in-naha tal-passiggier iżda meta gie fuq in-naha tieghu kesaħ u l-imputat tah daqqa f’wiċċu. Minn naħa tiegħu l-imputat xehed u ċaħad li kien ta xi daqqa ta’ ponn.
Qal li waqt li kien qed isuq il-vann ta’ missieru ma ndunax li Jean Claude Ciantar kien qed jipprova joħroġ mill-parkeġġ tiegħu u dak il-hin l-parte civile irrivesja l-vettura tiegħu ghaliex hu (l-imputat) kien ostakolalu l-hrug.
Dak il-hin sema lill-parte civile “speci” joffendieh b’ommu għaliex ma kienx ċedielu.
Saq għal-warajh, niżel biex ikellmu u l-allegat vittma beda jgħidlu li mhux minnu li kien offendieh. Ix-xhud nnega li kien ta d-daqqa ta’ ponn kif ukoll li ma kienx ta daqqiet fuq il-vettura.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li hi moralment konvinta li l-verzjoni tal-vittma hi kredibbli sal punt li tagħżel li twarrab dik tal-imputat. Il-Qorti qalet li tista’ fid-diskrezzjoni tagħha temmen xhud minn ieħor u meta taghmel hekk tista’ temmen xhud f’kollox jew f’parti.
Din l-għażla trid tkun wahda fondata u l-fatt li ma nġiebitx prova tal-hsarat fil-vettura minn naħa tal-vittma ma jfissirx li b’daqshekk li ma kienx qed jgħid il-verità u allura u ma setgħax jitwemmen f’kollox.
Il-Qorti nnutat ukoll li fl-istqarrija tiegħu l-imputat ċaħad li qatt saq wara l-parte civile iżda fix-xhieda tiegħu quddiem l-ewwel Qorti kkonferma li “soqt biċċa warajh”.
Dan mhux biss jagħti raguni ohra ghaliex il-Qorti għandha temmen verżjoni minn oħra iżda ukoll tinnewtralizza l-iskuzanti tal-provokazzjoni jekk verament l-parte civile offenda lill-imputat.
Dan apparti l-kwisjtoni tar-reazzjoni esaġerata u bl-ebda mod ekwiparabbli ghal dak li seta’ qal Jean Claude Ciantar, anke jekk il-Qorti mhix qed temmen li l-parte civile offenda lill-imputat f’ċirkostanzi fejn it-tieqa tal-vettura kienet magħluqa.
Il-vetturi kienu startjati u għalhekk xi ftit inkreddibbli kif l-imputat seta’ sema’ l-allegat diskors. Ix-xhieda tal-parte civile hi msaħħa mill-fatt illi hu aċċeda direttament lejn l-Għassa tal-Pulizija fejn kien għadu kemm isofri minn ġrieħi u ma kien hemm xejn x’jindika li dawk għamilhom hu stess fi triqtu lejn l-għassa jew li kien involut f’xi inkontru fiżiku ieħor.
Ghal dawn ir-ragunijiet, l-Qorti sabet lil Carl Ciantar ħati tal-ewwel imputazzjoni dik li fera gravament lill-vittma bil-feriti li setgħu ġabu diżordni f’moħħu kif iċċertifikat it-tabiba Josianna Sammut.
Madankollu ma nstabx ħati li ta fastidju lil Jean Claude Ciantar u li kkaġunalu biża’ li se tintuża vjolenza kontrih Dwar il-piena, il-Qorti rat ix-xhieda tar-rappreżentant tal-Caritas u ħadet in konsiderazzjoni li l-parte civile ħafer lill-imputat.
Il-Qorti osservat is-sentenzi esebiti mill-Prosekuzzjoni fil-konfront tal-imputat u għalhekk jirriżulta li huwa reċediv. Il-Qorti qalet ukoll li ma tistax ma tagħtix widen ghall-fehma tal-vittma li fi stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri iddikjara li kien qed jahfer lill-imputat.
Il-Qorti tenniet l-imputat għandu bżonn tal-għajnuna, konsegwenza ta’ problemi relatati mal-konsum tad-droga. Fiċ-ċirkostanzi, l-il-Qorti laqgħet is-sottomissjoniojiet għall-piena li ma tkunx wahda karċerarja bil-ħsieb li llum il-ġurnata l-imputat huwa aktar matur b’tali mod li jgħaraf isib it-triq tas-sewwa. Għal dawn il-motivi, il-Qorti poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ probation għal zmien tliet snin.
//= $special ?>