Lokali

Tasal fi tmiemha l-votazzjoni bikrija

Aktar tesserati komplew jivvotaw tul il-ħames sessjoni ta’ votazzjoni bikrija għal Elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista. Filfatt kienu 9% li vvutaw tul il-votazzjoni bikrija tal-Ġimgħa.

Dan hekk kif issa ġiet fi tmiemha l-elezzjoni bikrija tal-votazzjoni bl-aħħar jum ikun proprju l-Ġimgħa bejn is-6.00pm u d-9.00pm. Intant, s-Sibt 3 ta’ Ottubru ser titlaqqa’ l-Konvenzjoni Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Jum Proprju tal-Votazzjoni, bil-votazzjoni tiftaħ fit-08.00am u tingħalaq fl-04.00pm f’Malta u fis-02.00pm f’Għawdex – bl-eżitu finali tar-riżultat joħroġ aktar tard filgħaxija.

Fl-ewwel erbat’ijiem ta’ votazzjoni bikrija vvotaw xejn inqas minn 67% mill-21, 499 tesserat eliġibbli li jivvutaw għall-kandidati Adrian Delia u Bernard Grech.

Dawk it-tesserati li ser ikunu qed imorru jivvotaw għandhom jieħdu magħhom id-dokument tal-votazzjoni li rċievew bil-posta flimkien mal-karta tal-identità jew xi dokument ieħor ta’ identifikazzjoni. F’każ li tesserat ma jkunx irċieva dan id-dokument, dan xorta jista’ jivvota, bil-Karta tal-Identità.

Tul il-proċess kollu ta’ din l-elezzjoni, il-Kummisjoni Elettorali qed tassigura li kulħadd jimxi mal-miżuri tal-COVID-19, għaldaqstant kull votant irid jilbes maskra jew visor filwaqt li jżomm id-distanza soċjali.

It-18-il post ta’ votazzjoni huma s-segwenti; fl-uffiċċju tal-AZAD fil-Belt Valletta u d-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà, kif uoll fil-Każini tal-Partit Nazzjonalista fl-Isla, iż-Żejtun, Ħal Tarxien, iż-Żurrieq, is-Siġġiewi, Ħal Luqa, ir-Rabat, Ħal Balzan, Birkirkara, l-Imsida, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tas-Sliema, in-Naxxar, il-Mellieħa u Ta’ Sannat f’Għawdex … skont kif indikat fuq id-Dokument tal-Vot.