L-Unjoni Ewropea tista’ timponi s-sanzjonijiet fuq it-Turkija minħabba ‘provokazzjonijiet u żieda tat-tensjoni’ relatati mat-tilwima tat-Torok mal-Greċja li tirrigwarda fruntieri marittimi u riżorsi tal-enerġija.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, sejħet — waqt laqgħa għall-mexxejja tal-UE fi Brussell — biex it-Turkija żżomm lura minn azzjonijiet unilaterali fil-Mediterran. Intant, it-Turkija u l-Greċja waqqfu hotline militari biex jippruvaw inaqqsu l-periklu ta’ konfronti fir-reġjun.
It-tensjoni bejn il-Greċja u t-Turkija żdiedet meta t-Turkija, fis-sajf, bagħtet bastiment għal riċerka f’zona ta’ baħar polemikuża. Il-bastiment ‘Oruc Reis’ intant wettaq l-attività ta’ riċerka f’zona ta’ baħar lejn in-nofsinar tal-gżira Griega ta’ Kastellorizo li hi kkuntestata bejn il-Greċja, it-Turkija u Ċipru.
Il-Greċja kienet fissret il-pass bħala ‘eskalazzjoni serja tas-sitwazzjoni’ u l-UE kienet appoġġjat lil dan il-pajjiż u Ċipru fil-każ tagħhom kontra l-Greċja. Intant, it-tensjoni naqset xi ftit wara li l-bastiment, ix-xahar li għadda, irritorna lejn l-ibħra territorjali tat-Turkija.
Von der Leyen qalet, issa, li l-UE tixtieq li jkollha ‘relazzjoni pożittiva u kostruttiva’ mat-Turkija u sostniet li ħaġa bħal din hi ‘fl-aħjar interessi tal-pajjiż inkwistjoni’. Fl-istess Von der Leyen kompliet li r-relazzjoni tista’ taħdem biss f’każ li t-Turkija żżomm lura minn aktar provokazzjonijiet fir-reġjun.
Min-naħa tagħhom, il-pajjiżi tal-UE qablu biex, ‘il quddiem, jevalwaw l-aġir tat-Turkija u għandhom jimponu s-sanzjonijiet jekk kemm-il darba Ankara tippersisti b’aġir li ma jitqiesx bħala aċċettabbli fid-dawl tal-liġi internazzjonali.
L-Unjoni Ewropea u t-Turkija għandhom relazzjonijiet pjuttost fraġli u l-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel, għamilha ċara li l-UE, fuq naħa, qed toffri lit-Turkija opportunità għal relazzjonijiet kummerċjali eqreb – bil-Gvern f’Ankara ‘irid iżomm f’moħħu wkoll’ il-possibbiltà reali tas-sanzjonijiet f’każ li ma tbattix it-tensjoni fil-Mediterran.
Għaldaqstant, l-UE qed tittama li d-djalogu politiku jirnexxi filwaqt li jiftaħ għal stabbilità akbar f’dawn iċ-ċirkustanzi. Min-naħa tagħha, it-Turkija wieġbet li kwalunkwe sanzjonijiet min-naħa tal-UE għandhom ‘iqawwu r-rieda ta’ Ankara’ minbarra li jnaqqsu l-potenzjal tad-djalogu.
//= $special ?>