Il-Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis saħaq li m’għandu xejn x’jaħbi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Yorgen Fenech meta mistoqsi jekk iddispjaċihx li kkomunika 700 darba ma’ Yorgen Fenech.
“Ara jien lil Yorgen Fenech ghidt li nafu, spjegajt il-pozizzjoni tieghi, jien m’ghandix x’nahbi…eee…Kienet relazzjoni li kellimtu.”
Biex jipprova jiġġustifika r-relazzjoni li kellu miegħu, Zammit Lewis ipprova jċekken il-gravità daqslikieku xejn mhu xejn billi qal li tafu nofs Malta.
“Għidt li kont nafu ovvjament eee. Hija relazzjoni li nafu kif jafuh nofs Malta.”
Mistoqsi direttament jekk il-Prim Ministru sabx problema bih b’dawn il-fatti xokkanti, Zammit Lewis qal li jinsab konformi mal-linji ċari ta’ Robert Abela:
“Il-Prim Ministru ddiskutejtha miegħu. Għamel linji ċari. Jiena qiegħed fil-linji ċari li għamel il-Prim Ministru. Iddiskutejtha diġà miegħu.”
U dwar ir-reklutaġġ ta’ Avukati ġodda fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Zammit Lewis qal li l-preċedent ta’ Charles Mercieca, li f’jum telaq lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-għada deher għal Yorgen Fenech bħala avukat tad-difiża, hi xi ħaġa normali li tiġri.
“Qabel Charles Mercieca telqu ħafna avukati minn mal-Avukat Ġenerali. Charles Mercieca għamel l-istess.”
Kellu jkun il-każ ta’ Charles Mercieca biex fir-regoli tar-reklutaġġ ta’ 15-il Avukat ġdid, l-Avukat Ġenerali daħħal regoli ġodda li jindirizzaw dan.
Zammit Lewis kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet ta’ NET News waqt żjara li għamel fl-Uffiċċju l-ġdid tal-Avukat Ġenerali, Victoria Buttiġieġ, li ma riditx tieħu l-mistoqsijiet ta’ NET News meta kienet avviċinata b’korteżija.
Dan jistona ferm mal-prattiċi fi snin passat hekk kif il-predeċessur tagħha, Peter Grech, kien jieħu l-kummenti tal-ġurnalisti meta kienet tissejjaħ il-midja.
//= $special ?>