Ħidma bejn diversi taqsimiet tal-Pulizija wasslet biex kmieni dalgħodu jiġi arrestat raġel ta’ 27 sena residenti Ta’ Xbiex b’rabta ma’ erba’ serqiet, waħda nhar it-30 ta’ Settembru u tlieta matul dan il-lejl f’San Ġiljan.
Ilbieraħ, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, żewġ persuni – raġel ta’ 46 sena residenti Pembroke u mara ta’ 40 sena residenti l-Belt Valletta – daħlu fl-Għassa ta’ San Ġiljan u rrapportaw li waqt li kienu fi Triq id-Dragunara, San Ġiljan, mar fuqhom raġel, allegatament armat b’sikkina, serqilhom ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq ilpost. Ħadd mill-vittmi ma weġġa’.
F’każ ieħor, għal ħabta ta’ nofsillejl neqsin kwart, raġel ta’ 29 sena residenti l-Imġarr, irraporta fl-Għassa ta’ San Ġiljan u stqarr li kien għadu kemm ġie aggredit minn raġel, allegatament armat b’sikkina, fi Triq Spinola, San Ġiljan, li talbu jtih il-flus. Il-vittma sofra ġrieħi f’idu bissikkina u ttieħed f’ċentru tas-saħħa għal kura meħtieġa.
Fuq dawn ir-rapporti – li l-vittmi ddeskrivew l-ħalliel bħala l-istess persuna – il-Pulizija mill-Għassa ta’ San Ġiljan, assistiti mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tar-Rapid Intervention Unit (RIU), bdew tfittxijiet. Waqt li kienet qiegħda ssir din it-tfittxija, għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ filgħodu, daħal rapport ieħor, li raġel ta’ 44 sena residenti Wied il-Għajn, kien għadu kemm ġie misruq minn persuna li allegatament kienet armata b’sikkina. Il-vittma ma weġġax.
Waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri bdew janaliżżaw filmati ta’ kameras tas-sigurtà li hemm fl-akwati, u permezz tagħhom, identifikaw il-persuna suspettata li allegatament wettqet dawn it-tliet serqiet.
Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, flimkien ma’ tad-Distrett u tar-RIU, marru firresidenza tiegħu f’San Ġiljan, fejn instab ġewwa u ġie arrestat. Minn tfittxija li saret fir-residenza l-Pulizija sabu s-sikkina li allegatament intużat f’dawn is-serqiet, ħwejjeġ li deher liebes fil-filmati tas-sigurtà u oġġetti oħra relatati.
Ir-raġel ġie arrestat u ttieħed fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana għal aktar investigazzjonijiet.
Intant, waqt dawn l-investgazzjonijiet, irriżulta li l-istess persuna, allegatament, wettqet serqa oħra fit-30 ta’ Settembru fi Triq l-Abate Rigord, Ta’ Xbiex. Dakinhar, għallħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, koppja Ingliża – raġel ta’ 62 sena u mara ta’ 63 sena – ġew aggrediti min raġel u serqilhom xi flus li kellhom fuqhom.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, filwaqt li r-raġel mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.
//= $special ?>

